Saturday, November 23, 2024

Jinfetaħ ċentru ġdid tal-medjazzjoni

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis fetaħ iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni ġdid fi Triq il-Merkanti, fil-Belt Valletta.

Permezz tal-medjazzjoni, iċ-ċittadin jista’ jagħżel li ma jidħolx il-Qorti u jsolvi tilwimiet ċivili, kummerċjali, jew industrijali bis-servizz tal-medjazzjoni. B’hekk, iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni se jgħin biex ikompli jħaffef il-proċessi ġudizzjarji ta’ pajjiżna u b’hekk iċ-ċittadin ikun moqdi bl-aħjar mod possibbli, b’ġustizzja orħos u b’anqas dewmien.

Din hija l-ewwel okkażjoni li l-medjazzjoni se jkollha ċentru speċifiku għaliha, hekk kif fil-passat kienet tagħmel parti miċ-Ċentru tal-Arbitraġġ.

Wieħed jista’ jagħmel użu mis-sistema tal-medjazzjoni billi jidħol fuq is-sit www.mediation.mt, jimla l-formola onlajn u jagħżel medjatur. Il-formola tiġi rreġistrata u l-partijiet jirċievu notifika ta’ meta huma mitluba jattendu għas-seduta tal-medjazzjoni tagħhom. Jekk wara l-proċess ta’ medjazzjoni l-partijiet ma jirnexxilhomx jaslu fi qbil, dawn ikollhom jirrikorru għall-Qorti.

Fil-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru, il-Ministru Edward Zammit Lewis ħabbar li fil-jiem li ġejjin ser ikun qed jippubblika Avviżi Legali fejn se jiġi introdott il-proċess tal-medjazzjoni b’mod obbligatorju għal kwistjonijiet li jirrigwardaw kirjiet li ġew kostitwiti qabel il-31 ta’ Mejju tal-1995. Dan hekk kif s’issa, kull proċess ta’ medjazzjoni huwa fuq bażi volontarja.

Il-Ministru saħaq li l-iskop huwa li jiġi offrut mezz ieħor liċ-ċittadin ta’ kif jiġu riżolti d-disputi ta’ bejniethom qabel ma jinbeda l-proċess litiġjuż quddiem il-Bord. Dan ifisser opportunità għaċ-ċittadini li jeħlu anqas spejjeż waqt li jevitaw id-dewmien, anke fil-qasam tal-kirjiet li hu settur sensittiv għall-Maltin.

Dr Zammit Lewis qal li l-medjazzjoni ser issir f’qafas legali li diġà jeżisti fiċ-Ċentru tal-Medjazzjoni.

Sport