Wednesday, January 29, 2025

Jinfetaħ l-ewwel childcare tal-Istat f’Għawdex immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Aqra wkoll

Ġie inawgurat l-ewwel childcare tal-Istat f’Għawdex immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, li jinsab fil-Kumpless Edukattiv tar-Rabat. Iċ-ċentru huwa parti mill-kumpless uniku li hemm f’dan il-lokal għaliex jiġbor fih Skola Primarja, Skola Medja, Skola Sekondarja, Sixth Form kif ukoll faċilitajiet għall-isport u r-rikreazzjoni tat-tfal u ċ-ċentru li nfetaħ ilbieraħ.

B’dan iċ-ċentru li ssemma ‘Djamant’ u li kien inawgurat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, issa l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, qed topera 13-il ċentru tal-Istat.

“Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, entità pubblika fi ħdan il-Ministeru, hija parti integrali mis-sistema edukattiva tagħna, mhux biss billi tikkontribwixxi lejn edukazzjoni olistika għal uliedna, iżda wkoll bħala appoġġ imprezzabbli għall-familji tagħna biex isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja,” qal il-Ministru Clifton Grima.

Huwa qal li l-Ministeru huwa impenjat li jara li f’din id-dinja li dejjem tinbidel, ikomplu jintlaħqu t-talbiet tal-ġenituri u l-familji. Il-FES dejjem tisma’ dawn it-talbiet, u għalhekk l-ftuħ ta’ Ċentri Ġodda jiżgura li l-ġenituri li jaħdmu jkollhom post aktar minn adegwat fejn uliedhom ikunu jistgħu jkomplu l-iżvilupp tagħhom.

Iċ-ċentru għandu kapaċità jilqa’ madwar 89 tifel u tifla f’3 żoni ta’ attività, 2 kmamar apposta għal trabi kif ukoll żona li tinsab fuq barra. Huwa mgħammar b’varjetà kbira ta’ riżorsi li jgħinu lit-tfal fil-perkors edukattiv tagħhom.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-ħidma konġunta bejn il-ministeri, l-istituzzjonijiet u d-dipartimenti twassal biex f’Għawdex qed ikun hemm il-faċilitajiet u s-servizzi kollha bħalma hemm f’Malta.

“Dan l-ewwel childcare centre tal-Istat fir-Rabat Għawdex li ftaħna uffiċjalment illum huwa wieħed mill-isbaħ childcare centres li għandna fil-gżejjer tagħna u m’għandix dubju li dawk li qegħdin jaħdmu hawnhekk se jagħtu servizz mill-aqwa biex flimkien nilħqu l-għanijiet tagħna għall-ġid ta’ wliedna,” stqarr il-Ministru Camilleri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport