Thursday, July 17, 2025

Jinfetħu l-applikazzjonijiet sabiex is-sajjieda dilettanti jistadu għal-lampuki

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said ħabbru li għal sena oħra d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura qiegħed joffri l-opportunità sabiex is-sajjieda dilettanti jistadu għal-lampuki. Huma spjegaw li dan se jsir permezz ta’ allokazzjoni ta’ bosta rimji u ċimi madwar l-ibħra Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru Anton Refalo tenna li l-istaġun tal-lampuki jirrappreżenta tradizzjoni li ilha teżisti fost il-familji tas-sajjieda Għawdxin u Maltin għal bosta snin. Kompla li bħala Gvern dejjem semgħu mingħand is-sajjieda u implimentaw inizjattivi favur tagħhom, bħal din l-inizjattiva fejn is-sajjieda rikreazzjonali jistgħu jipprattikaw d-delizzju tagħhom.

Huwa semma wkoll il-mobile app tad-Dipartiment tas-Sajd li permezz tagħha s-sajjieda rikreazzjonali se jkunu qed jibbenifikaw mill-awtorizzazzjoni b’xejn mingħand id-Dipartiment kif ukoll se jkunu jistgħu jiddikjaraw il-qabdiet tagħhom bil-għan li jkun hemm aktar trasparenza u titrawwem sens ta’ responsabiltà mis-sajjieda.

“Nirringrazzja lid-Dipartiment tas-Sajd flimkien mal-isforz kbir li qed issir mill-għaqdiet tas-sajjieda speċjalment dawk li l-għixien tagħhom huwa direttament mis-sajd li xemx u xita jaħdmu qatigħ sabiex joffru l-aqwa prodott lil poplu Malti,” temm jgħid il-ministru.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said sostniet, “Ta’ kull sena qed inkomplu nirrikonoxxu l-importanza storika u kulturali tas-sajd f’pajjiżna, b’mod speċjali s-sajda tal-lampuki.” Kompliet li permezz ta’ dawn l-applikazzjonijiet qed jassiguraw li s-sajjieda dilettanti jkollhom opportunità li jibbenifikaw minn dan l-istaġun tant popolari.

“Bħala Gvern nibqgħu kommessi li nieħdu ħsieb lis-sajjieda tagħna u nissalvagwardjaw id-delizzji għal kwalità ta’ ħajja aħjar filwaqt li nżommu l-ibħra u dan is-settur sostenibbli. Dan l-għan qed inkomplu nilħquh propju bil-ftuħ mill-ġdid ta’ dawn l-applikazzjonijiet li se jagħtu opportunità lill-eluf ta’ sajjieda dilettanti illi ta’ kull sena jkunu qed jistennew dan l-istaġun bil-ħerqa,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Din is-sena, il-kannizati se jkunu mifruxa f’żoni approvati mmexxija mill-Għaqdiet rikreazzjonali ta’ Birżebbuġa, Marsaskala, il-Belt Valletta, Ta’ Sliema, Buġibba, il-Ġnejna u Għawdex.

Is-sajjieda rikreazzjonali li jippreferu jistadu bir-rixa fl-open waters u mhux fuq kannizati, jistgħu japplikaw permezz tal-mobile app uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd, li hi bla ħlas. Dawn l-awtorizzazzjonijiet se jkunu qed jinħarġu mill-1 ta’ Awwissu 2025, u se jintbagħtu permezz ta’ email lil dawk li japplikaw.

Kull sajjied rikreazzjonali li se japplika għal din is-sajda – kemm jekk jistad fuq kannizati tal-għaqdiet u kemm jekk bir-rixa fl-open waters – għandu jiddikjara l-qabdiet tiegħu fuq l-istess mobile app. Din id-dikjarazzjoni hi importanti għall-monitoraġġ sostenibbli tar-riżorsi marittimi. B’din is-sistema, se jiġi assigurat immaniġġjar aktar effettiv tas-sajd rikreattiv, b’aktar trasparenza, u b’sens ta’ responsabbiltà kollettiva lejn il-ħarsien tal-ibħra tagħna.

L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu sa nhar it-Tnejn 4 ta’ Awwissu 2025, u dawk li japplikaw permezz ta’ għaqdiet se jkunu jistgħu jistadu fuq il-FADs (Ċimi / Kannizati) assenjati lil dik l-għaqda stess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport