Saturday, November 23, 2024

Jinfetħu mill-ġdid il-faċilitajiet sportivi ‘outdoor’ ta’ SportMalta

Aqra wkoll

Mil-lum, is-Sibt, 23 ta’ Mejju, reġgħu nfetħu uffiċjalment il-bibien tal-faċilitajiet sportivi ‘outdoor’ ta’ SportMalta għall-atleti, wara li ilhom magħluqin għall-aħħar xahrejn minħabba l-pandemija tal- Covid-19. 

It-taħriġ tal-atleti jista’ jsir fi gruppi ta’ sitta u jista’ jkun magħmul minn ħames atleti u kowċ jew grupp ta’ sitt atleti, u n-numru totali ta’ persuni permessi fil-post għandu jammonta għal mhux aktar minn persuna waħda (1) għal kull 20 metru kwadru ta’ spazju ta’ taħriġ użabbli. 

Apparti minn hekk, l-atleti għandhom ikunu mbegħdin minimu ta’ tliet (3) metri għall-isport kollu, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet fejn id-distanza minima hija ta’ żewġ (2) metri. 

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li matul l-aħħar gimgħat ħadmu id f’id ma’ SportMalta u mas-Segretarjat Parlamentari, saħaq li wara ħidma importanti ħafna mal-Awtoritajiet tas-Saħħa wasalna fejn ninsabu llum, f’sitwazzjoni fejn wara numru ta’ ġimgħat reġa’ beda t-taħriġ għall-atleti, u ninsabu issa f’pożizzjoni li wieħed ikompli jippjana sabiex fiż-żmien li ġej possibilment immorru lura għan- normal u għal kompetizzjonijiet sħaħ. 

Huwa qal li dan kollu jsir billi deċiżjonijiet li jittieħdu ma jkunux ibbażati fuq popoliżmu iżda fuq evidenza xjentifika. 

“Kellna numru ta’ laqgħat ma’ numru ta rappreżentanti f’diversi dixxiplini sportivi. Tkellimna iktar minn darba mal-Kumitat Olimpiku Malti u bl-input ta’ kulħadd irnexxielna noħorġu linji gwida li proprju qed narahwom jiġu attwati f’dawk li huma l-faċilitajiet sportivi,” stqarr is-Segretarju Parlamentari. 

Huwa kompla jgħid li kien hemm ħidma sabiex tingħata s-sostenn lil numru ta’ entitajiet mhux governattivi, li fosthom hemm l-għaqdiet sportivi. Tajjeb wieħed isemmi il-Wage Supplement Scheme, li permezz tagħha mijiet ta’ impjiegi fis-settur sportiv ġew salvati, għax kien hemm assoċjazzjonijiet sportivi li spiċċaw mingħajr l-ebda sors ta’ dħul u allura kellhom bżonn l-għajnuna sabiex jissalvagwardjaw dawn l-impjiegi. Inħoloq fond ta’ emerġenza għas-settur tal-volontarjat li permezz tiegħu l-assoċjazzjonijiet sportivi li huma rreġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall- Għaqdiet Volontarji setgħu japplikaw għal diversi skemi. 

Sport