Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbru li n-nominazzjonijiet għall-Animal Honours Awards 2025 jinsabu miftuħa.
Il-Ministru Refalo spjega, “L-Animal Honours Awards hija okkażjoni speċjali fejn nirrikonoxxu u nagħtu ġieħ lil dawk kollha li jaħdmu mill-qrib mal-annimali, kif ukoll dawk l-annimali li jħallu impatt f’ħajjitna. Dawn il-premjijiet mhumiex biss simboliċi imma għandhom rwol importanti għaliex iżidu l-għarfien dwar il-ħarsien xieraq tal-annimali. Dan ikompli jsaħħaħ l-impenn kollettiv tagħna għall-benesseri tal-annimali. Nirringrazzja lil dawk kollha involuti fil-qasam tal-benesseri tal-annimali, inkluż NGOs, voluntiera u raħħala li huma impenjati fil-ħidma favur il-ħarsien tal-annimali.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat, “L-Animal Honours Awards huma opportunità biex nirrikonoxxu l-ħidma ta’ bosta voluntiera, veterinarji, raħħala u stabbilimenti responsabbli mill-qasam tal-ħarsien tal-annimali. Huwa propju għalhekk li għal sena oħra qed inħabbru dan il-proċess ta’ premjijiet sabiex nirrikonoxxu lil dawn in-nies. Din is-sena żidna wkoll l-kategorija ‘L-iktar proġett innovattiv ta’ skola favur il-ħarsien tal-annimali’.”
Il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari rringrazzjaw lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali li qed itellgħu dan l-avveniment u rrikonoxxew il-ħidma li titwettaq biex dawn l-unuri jkomplu jkunu ta’ suċċess sena wara oħra. Huma rringrazzjaw ukoll lill-ħaddiema u l-voluntiera kollha li ta’ kuljum jaħdmu għall-ġid tas-settur.
In-nominazzjonijiet se jiġu milqugħa mill-Ġimgħa, 4 ta’ Lulju sal-Ġimgħa, 18 ta’ Lulju. Wieħed jista’ jissottometti n-nomina tiegħu fuq is-sit https://commissioneranimalwelfare.gov.mt/animal-honours-awards/
Wara li jagħlqu n-nominazzjonijiet, bord ta’ ġurija appuntat mill-Ministeru, se jkun qed jevalwa s-sottomissjonijiet kollha u jagħżel tliet finalisti għal kull kategorija. Il-pubbliku se jkun jista’ jivvota għan-nominat favorit tiegħu.