Is-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali ħabbar li nfetħu n-nominazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2025.
Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena jittella’ bil-għan li jirrikonoxxi l-bżulija, id-dedikazzjoni u l-impenn tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Il-premjijiet huma miftuħa għal impjegati, min iħaddem, dawk li jaħdmu għal rashom, organizzazzjonijiet u professjonisti fis-settur pubbliku, privat jew tal-komunità, irrispettivament mid-daqs tal-organizzazzjoni.
In-nominazzjonijiet se jibqgħu miftuħa sas-7 ta’ Novembru 2025. Is-serata finali, taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta, se ssir fit-15 ta’ Novembru 2025.
Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Għażla, Angela Agius, spjegat li din is-sena l-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena se jkun maqsum f’10 kategoriji:
• Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2025
•Maniġer tas-Sena
• Kap tas-Sena
• It-Tim tas-Sena
• L-Aktar Organizzazzjoni li tippromwovi bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol
• L-Aħjar Imprenditur jew Imprenditriċi
• L-Aktar Mexxej jew Mexxejja Żagħżugħ/a Ispiranti
• L-Aktar Organizzazzjoni li tippromwovi r-Responsabbiltà Soċjali
• L-Aktar Organizzazzjoni Inklussiva
• Il-Premju ta’ Lifetime Achievement
Iċ-Chairperson Angela Agius sostniet li dawn il-premjijiet se jservu bħala pjattaforma nazzjonali biex jiġu rikonoxxuti l-aqwa prattiki u l-valuri fil-post tax-xogħol. “Permezz ta’ dawn il-premjijiet, il-pajjiż qed jiċċelebra mhux biss il-bżulija u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema Maltin, iżda wkoll l-ispirtu intraprenditorjali tan-negozjanti u l-kumpaniji li jħaddnu miżuri favur il-familja u s-soċjetà,” temmet tgħid is-Sinjura Agius.
In-nominazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online billi tintbagħat email fuq [email protected] mhux iktar tard mis-7 ta’ Novembru 2025.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja lis-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali fuq l-istess indirizz elettroniku.