Għadd ta’ kollegi tal-ħaddiem Ajay Shrestha li tilef ħajtu f’inċident fi Triq Aldo Moro, il-Marsa, ilbieraħ filgħaxija nġabru fil-post biex isellmu l-memorja tiegħu.
F’filmat li ġie ppubblikat fuq il-midja soċjali, jidhru għadd ta’ ħaddiema ta’ kumpanija li twassal l-ikel f’pajjiżna u ħbieb tiegħu hekk kif inġabru bix-xemgħat u għamlu wkoll mument ta’ talb b’tislima tal-ħabib tagħhom.
Ajay Shrestha, huwa sewwieq tal-mutur li lbieraħ tilef ħajtu traġikament meta ntlaqat minn ħadid li kien mgħobbi fi trakk kbir li nqaleb għal fuqu meta kien għaddej minn Triq Aldo Moro, il-Marsa.
Ir-raġel min-Nepal ta’ 28 sena residenti l-Imsida Ajay Shrestha kien qed iwassal xi ikel bil-mutur tal-kumpanija meta seħħ l-inċident għall-ħabta tal-11:30 a.m.
Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu, fakkru l-mumenti sbieħ tiegħu bħala sportiv hekk kif Ajay kien plejer u coach tal-cricket.