Wara s-suċċess tal-Maratona li seħħet fit-tlettax ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet
ġewwa Villa Bighi, il-flus miġbura ġew mgħoddija lill-Fondazzjoni Sebħ f’ċerimonja li saret it-Tnejn, 5 ta’ Jannar 2026. Dawn il-fondi se jmorru għall-After Care Service talFondazzjoni Sebħ, bil-għan li jiġu mgħejjuna żgħażagħ li jkunu waslu biex jitilqu mill-kura residenzjali u jibdew jgħixu ħajja indipendenti.
Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ linvestiment fl-edukazzjoni u l-iżvilupp tagħhom, sabiex jidħlu fil-ħajja adulta b’aktar kunfidenza u stabbiltà. Xjenza Malta, li kienet protagonista biex Tangent Club taħt it-tmexxija tal-President Marthese Micallef seta’ jtella’ din il-maratona rringrazzjat lil dawk kollha li ħadmu anke
b’mod volontarju, attendew, taw donazzjoni u appoġġjaw din l-inizjattiva.
Is-servizz ta’ aftercare għandu fost l-oħrajn numru ta’ professjonisti li jaħdmu ma dawn iż-żgħażagħ mill-eta ta’ 15 il-sena biex jibdew jippreparawhom għall-ħajja indipendenti u jgħinu jippjanaw il-futur tagħhom minkejja diversi diffikultajiet li jkunu ffaċċjaw.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri qal li “l-għajnuna li tat Xjenza Malta f’dan il-proġett kienet parti mir-responsabbiltà soċjali tagħna għaliex nemmnu fl-inizjattiva ta’ Tangent Club u l-proġett ta’ Fondazzjoni Sebħ biex is-Servizz ta’ Aftercare joffri tama liż-żgħażagħ li jkunu waslu biex jagħmlu l-pass li jmiss f’ħajjithom.”
Żied li dan huwa proġett li joffri futur liż-żgħażagħ u Xjenza Malta lesta li tkompli tgħin anke fil-futur fi proġetti ta’ din ix-xorta. Marthese Micallef President ta’ Tangent Club min-naħa tagħha qalet li “bis-saħħa tal‑maratona tat‑tisjir tal‑ħelu tal‑Milied, it‑Tangent Club mhux biss irnexxielu jiġbor €7,000 għat‑tfal ta’ Fondazzjoni Sebħ, iżda nissel ukoll sens qawwi ta’ għaqda u solidarjetà fost l-isponsors u l‑voluntiera kollha.
Nies li qatt ma ltaqgħu qabel, ħadmu flimkien, id f’id b’qalb kbira, daqs li kieku familja waħda. Tant kien hemm atmosfera pożittiva li ħafna minnhom diġà talbu biex jerġgħu jipparteċipaw is‑sena d‑dieħla”.
Kelly Hermitage sostniet li “bħala Fondazzjoni Sebħ grati għal din id-donazzjoni sabiħa li nġabret, li se tgħin ħafna biex tappoġġja liż-żgħażagħ fis-servizzi ta’ aftercare tagħna hekk kif ikunu qed jgħaddu għad-dinja tal-adulti”.
Żiedet tirringrazzja lil Tangent Club għall-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom biex dan kollu seta’ jsir possibbli u lil Xjenza Malta għall-appoġġ fit-tmexxija u l-ospitalità ta’ dan l-avveniment, u lil kull voluntier li ta l-ħin tiegħu. Irringrazzjat ukoll lil kull min qed jibgħat messaġġ li ż-żgħażagħ ukoll jistħoqqilhom opportunitajiet xierqa u bidu tajjeb għallħajja adulta tagħhom



