It-traġedja tal-4 ta’ Lulju li għadda, fejn fost dawk li għaddejjin minn niket kbir hemm tifel ta’ sentejn li tilef lill-ġenituri tiegħu, wasslet biex inħolqot paġna sabiex tingħata għajnuna lill-familja tat-tifel, fejn inġabret is-somma ta’ iżjed minn $1,850,000 (£1,500,000). Il-moħħ wara din il-ġabra hija Irina Colon.
Mill-ammont li nġabar, s’issa l-ikbar donazzjoni ngħatat minn Will Ackman ($18,000) filwaqt li żewġ benefatturi oħra li wrew ix-xewqa li jibqgħu anonimi taw $10,000 u $5,000 rispettivament.
It-tifel ta’ sentejn, Aiden McCarthy, li nstab waħdu miksi bid-demm wara l-isparatura f’Highland Park, Chicago, spiċċa orfni minħabba dan il-massakru. Skont koppja li kien hemm preżenti waqt il-ħin tal-isparatura, Aiden McCarthy kien separat mill-ġenituri tiegħu waqt li seħħ l-attakk fejn tilfu ħajjithom seba’ persuni, fosthom ommu u missieru — Irina McCarthy ta’ 35 sena, u Kevin McCarthy ta’ 37 sena. Barra minn hekk indarbu 46 persuna oħra.
Aidan instab minn Lauren Silva, mara ta’ 38 sena, li flimkien mal-għarus tagħha kienu jinsabu fi triqithom lejn Walker Bros restaurant għall-kolazzjon meta mad-daqqa u l-ħin semgħu xi tiri.
It-tifel bħalissa jinsab fil-kustodja tan-nanniet tiegħu — Misha u Nina Levebeg.