Minn fuq il-gżira ta’ Kemmuna, matul il-ġimgħat tas-Sajf qegħdin jinġabru madwar 2,100 borża ta’ skart kull ġimgħa. Dawn qegħdin jinġabru mill-Bajja ta’ Santa Marija u minn Blue Lagoon fost żoni oħrajn.
It-tindif ta’ din il-gżira hu kollu f’idejn il-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex u fl-eqqel tas-sajf huma jiġbru l-iskart 3 darbiet kuljum biex imbgħad minn Kemmuna jittieħed permezz ta’ dgħajsa lejn l-Imġarr f’Għawdex. Mal-wasal tiegħu hemm dan jitgħabba fuq trakkijiet li minn hemm jiddaħħal fl-Impjant tal-WasteServ f’Tal-Kus fix-Xewkija.
Il-Ministeru għal Għawdex qal li fix-xahar ta’ Ġunju biss inġabru aktar minn 31 tunnellata ta’ skart minn Kemmuna biss.
Intant persuni qrib is-settur u li tkellmu ma’ talk.mt qalu li hija ħasra li hekk kif il-pajjiż qiegħed jagħmel sforzi kbar biex issir seperazzjoni ta’ skart, fuq Kemmuna ftit li xejn issir din is-separazzjoni.
“Hija ħasra li dak l-ammont kbir ta’ skart li qed jinġabar minn Kemmuna mhux qiegħed jiġi sseparat. Nifmhu li hu diffiċli biex tikkontrolla fuq il-bajjiet aktar u aktar meta għandek influss daqshekk kbir ta’ nies f’ħinijiet qosra, iżda jekk minn dawk il-mijiet kbar ta’ boroż tal-inqas nisseparaw nofshom inkunu diġà għamilha ħafna,” stqarret magħna persuna qrib sew tas-settur tal-iskart f’Malta.
L-istess persuna staqsiet “x’inhu jiġri minn dak l-ammont kbir ta’ pineapple li jinbiegħu kuljum f’Kemmuna… Qiegħed jintrema kollox fil-borża s-sewda jew tal-inqas dawk qegħdin jiġu mormija bħala skart organiku?”
Min-naħa tiegħu l-Ministeru jixtieq jiġbed l-attenzjoni li filwaqt li l-bajja qiegħda hemm sabiex titgawda minn kulħadd, kemm l-għawwiema, kif ukoll il-kuntratturi u dawk kollha li jżuruha għandhom jirrispettaw l-ambjent u jieħdu ħsieb il-bajja wkoll.