Saturday, February 8, 2025

Jingħaqdu 55 uffiċjal ġdid mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Negozjati għal ftehim settorali ġdid għas-CPD u l-Armata

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ra r-rankijiet tiegħu jissaħħu b’ħamsa u ħamsin uffiċjal, li temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ intensiv ta’ għoxrin ġimgħa. Ftit aktar minn għaxar snin ilu kien hemm biss 132 ħaddiem fid-Dipartiment li issa jista’ jiftaħar li għandu ’l fuq minn 400 uffiċjal tal-protezzjoni ċivili, u dan sabiex pajjiżna jkun aktar preparat, kif ukoll sabiex jiġi offrut l-aħjar servizz lill-komunità Maltija.

Ir-rekluti ħadu l-ġurament tal-ħatra tagħhom f’ċerimonja fil-kwartieri tad-dipartiment f’Ħal Far u kien il-qofol tal-passing out parade tagħhom.

F’diskors lir-rekluti waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri elenka l-kisbiet tad-dipartiment grazzi għall-investiment massiċċ li sar mill-Gvern matul l-aħħar għaxar snin. Dan l-investiment wassal kemm għal żieda fl-uffiċjali kif ukoll fl-għodda li tintuża mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li minn wieħed tas-second hand inbidel f’wieħed mgħammar b’inġenji moderni u uniformijiet mill-aqwa għall-ħaddiema.

Il-Ministru Camilleri rrefera wkoll għat-tisħiħ fid-drittijiet, fil-kundizzjonijiet u fis-salarji tal-membri tal-korpi dixxiplinati li tagħhom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa wkoll parti. “Wara l-ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema kollha tal-Protezzjoni Ċivili, dis-sena se jingħata bidu għan-negozjati ta’ ftehim settorali ġodda għall-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u l-membri tal-armata. Impenjati li nkomplu nibnu fuq dak li sar qabel,” qal il-Ministru Camilleri.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Camilleri, minbarra li aċċenna għat-tagħmir li se jinkiseb dis-sena għall-Protezzjoni Ċivili, irrefera wkoll għat-tisħiħ tal-infrastruttura kapitali fejn daqt se jiġi inawgurat stazzjon ġdid fix-Xemxija u rinovat dak ta’ Kordin.

Huwa ħeġġeġ lir-rekluti sabiex juru impenn totali sabiex ikunu huma li fis-snin li ġejjin jagħtu s-serħan il-moħħ lill-Maltin u l-Għawdxin permezz ta’ dmirijiethom. Huwa assigurahom li ser jibqgħu jsibu Gvern li jkun spalla ma’ spalla magħhom, jinvesti fid-drittijiet u kundizzjonijiet tagħhom, sabiex imbagħad huma jsalvaw u jipproteġu.

Għaċ-ċerimonja tal-passing out parade indirizzaw ukoll lir-rekluti d-Direttur Ġenerali Peter Paul Coleiro u r-rekluta Ruby Caruana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport