Tuesday, July 1, 2025

Jingħata bidu għal-laqgħa informali tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa

Aqra wkoll

Pajjiżna dalgħodu laqa’ xejn inqas minn 50 delegazzjoni għal-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tat-tfal mill-isfruttament u l-abbuż sesswali. Din il-laqgħa Ministerjali saret f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa. 

F’diskors li għamel fil-bidu ta’ din il-laqgħa, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li jinsab kburi li Malta qiegħda tospita dan l-avveniment fl-okkażjoni tal-15-il anniversarju minn meta ġiet iffirmata l-Konvenzjoni Lanzarote. Konvenzjoni li tiffoka fuq il-protezzjoni tat-tfal kontra l-isfruttament u l-abbuż sesswali. 

Il-Ministru Falzon kompla biex qal li “ninsabu hawn mhux biss biex nikkommemoraw il-passat iżda biex inħarsu lejn l-esperjenzi tagħna, nagħmlu evalwazzjoni u nħarsu ’l quddiem. Ħafna drabi nħarsu lejn it-tfal bħala s-soċjetà t’għada. Iżda fil-fatt huma parti integrali tas-soċjetà tal-lum.” 

Huwa enfasizza li mhux biss għandhom id-dover imma wkoll ir-responsabbiltà li jaħdmu favur il-protezzjoni tat-tfal. Filwaqt li qal li din hija xi ħaġa li jemmnu ħafna fiha u li hija elenkata wkoll fil-Konvenzjoni Lanzarote, il-Ministru Falzon tenna li għad fadal iżjed xi jsir. Dan hekk kif il-bidliet li qed iseħħu huma kontinwi bil-konsegwenza li dawn iġibu magħhom realtajiet ġodda, fejn anke l-midja soċjali qiegħda tħalli l-effetti tagħha. 

Huwa semma wkoll il-passi li ħadet Malta f’dan ir-rigward, fejn iddaħħlu bosta liġijiet intiżi li jipproteġu aktar lit-tfal filwaqt li ħraxu l-pieni b’rabta mal-abbuż sesswali.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alan Berset innota kif filwaqt li diġà hemm liġijiet fis-seħħ fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal, hemm bżonn ta’ implimentazzjoni akbar. 

Qal li wieħed minn kull ħames nisa u wieħed minn kull sebat irġiel qed jesperjenzaw abbuż sesswali fi tfulithom. Qal ukoll li s-sena li għaddiet 91% tal-każi ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal li kienu mxerrda online, kienu jinkludu kontenut iġġenerat mill-individwu stess, bl-intelliġenza artifiċjali.

Huwa saħaq li l-Kunsill tal-Ewropa qiegħda taħdem biex ikun hemm akar prevenzjoni. Dan billi anke qed tħeġġeġ u tagħti setgħa akbar lit-tfal biex ifittxu l-għajnuna li jkunu jeħtieġu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa temm billi rringrazzja lil pajjiżna talli poġġa din it-tema fuq l-aġenda tal-Presidenza Maltija, filwaqt li rrikonoxxa wkoll li hemm ħidma qawwija dwar dan is-suġġett mal-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, f’messaġġ li għadda b’mod virtwali, il-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport Glenn Micallef stqarr li l-abbuż sesswali fuq it-tfal mhijiex taboo, imma ksur gravi tad-drittijiet umani.

“Irridu nkomplu nibnu fuq il-Konvenzjoni biex noħolqu Ewropa u dinja fejn it-tfal iħossuhom tassew siguri,” qal il-Kummissarju Ewropew Micallef. “Fuq livell Ewropew qegħdin naġixxu wkoll billi ngħinu pajjiżi jsaħħu s-sistemi tagħhom. Irridu ninvestu fil-protezzjoni u anke l-prevenzjoni.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport