Sunday, December 22, 2024

Jingħata bidu għall-ewwel edizzjoni ta’ Christmas in the Park

Aqra wkoll

Jingħata bidu għal ‘Christmas in the Park’, li qed jittella’ f’pajjiżna għall-ewwel darba. L-attivitajiet tal-Milied mifruxa fuq 14-il ġurnata se joffru spettaklu u divertiment għall-familja kollha ġewwa l-Park tal-Familja f’Marsaskala.

Waqt il-ftuħ uffiċjali tal-Christmas in the Park, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif il-park ġie trasformat f’villaġġ tal-Milied sabiex joffri diversi attrazzjonijiet, bħal presepju ħaj u Santa’s Grotto.

Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jixtru oġġetti maħduma lokalment mill-artiġjana. Barra minn hekk, il-viżitaturi se jkunu jistgħu joħolqu ornamenti tal-Milied, bil-flus li jinġabru jingħataw b’donazzjoni għall-Istrina.

Kull ġurnata se tilqa’ artisti lokali u rinomati.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat ukoll kif l-attività se sservi biex tkun ta’ appoġġ għan-negozji u artisti lokali.

“Matul dawn iż-żminijiet ta’ festi, illum iktar minn qabel hemm bżonn nagħtu l-appoġġ lin-negozji u l-artisti lokali, u hu ta’ sodisfazzjoni meta nġibu flimkien ambjent sabiħ, bħalma hu dan il-park, biex joffri spazji lit-talent Malti,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jattendi Christmas in the Park, sabiex igawdi l-festi fi spazju aċċessibbli u f’ambjent sigur. Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-villaġġ huma bejn il-5.00 p.m. u l-11.30 p.m., kuljum mis-17 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Diċembru. Il-villaġġ se jkun miftuħ ukoll fit-13 ta’ Diċembru u l-Ħdud mill-11a.m. ’il quddiem.

Ir-regoli tal-COVID-19 japplikaw.

Ekonomija

Sport