Friday, April 25, 2025

Jingħata bidu għall-istaġun tat-tonn

Aqra wkoll

Nhar l-Erbgħa, tard waranofsinhar, f’San Pawl il-Baħar iddaħħlet l-ewwel ħuta tat-tonn għal din is-sena li kienet tesa’ medja ta’ 180 kilogramma, u b’hekk immarkat il-bidu uffiċjali għall-istaġun tat-tonn.

Matul dan l-istaġun, id-Dipartiment għas-Sajd u l-Akwakultura qed joffri servizz ta’ ħatt b’xejn 24 siegħa kuljum mill-moll ta’ Marsaxlokk, sabiex jiffaċilita x-xogħol tas-sajjieda meta jirritornaw bil-ħut tagħhom. Dan is-servizz qed isir permezz ta’ crawling crane modern, li ġie ffinanzjat mill-Fond Ewropew għas-Sajd u l-Akwakultura (EMFF) — inizjattiva oħra favur modernizzazzjoni u sostenibbiltà fis-settur tas-sajd.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, saħqet, “Il-wasla tal-ewwel tonn tirrappreżenta mument importanti għall-komunità tas-sajjieda tagħna li jaħdmu b’dedikazzjoni fuq il-baħar. B’investiment konkret, bħas-servizz ta’ ħatt b’xejn u t-tagħmir modern iffinanzjat minn fondi Ewropej, qed nassiguraw li s-sajjieda tagħna jkunu mgħammra b’dak kollu li jeħtieġu biex jaħdmu b’mod aktar effiċjenti, sigur u sostenibbli.”

Hija rringrazzjat lis-sajjieda kollha tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom u temmet tgħid, “Is-sajjieda tagħna huma parti essenzjali mill-ġid marittimu ta’ pajjiżna u jixirqilhom l-apprezzament ta’ kulħadd. Għalhekk dan il-Gvern jibqa’ kommess li jsaħħaħ l-infrastruttura marittima u jkompli jappoġġja s-settur tas-sajd li hu parti integrali mill-identità u l-ekonomija tagħna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport