Thursday, November 14, 2024

Jingħata bidu għall-Karnival 2022 fost il-briju tat-tfal

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dalgħodu t-tfal daħlu bi ħġarhom għall-iskola hekk kif bħal-lum jiċċelebraw il-Karnival bħala parti mill-attivitajiet skolastiċi tagħhom. Il-kostumi bħal kull sena oħra huma kkuluriti u varji bl-aktar popolari għas-subien ikunu l-eroj ta’ Marvel u għall-bniet erħilhom biex, almenu għal darba f’sena, jesebixxu ruħhom bħala prinċipessi.

Mil-lum nagħtu bidu għal tlett ijiem ta’ bluha u għalkemm il-Karnival din is-sena se jkun iċċelebrat b’mod ridott minħabba l-pandemija tal-Covid-19, dan xorta waħda se jagħtina lok li nifirħu u niċċelebrawh ftit flimkien.

Il-ġenituri ma naqsux milli jaraw kif dawn it-tlett ijiem jagħmluhom verament eċċitanti għal uliedhom u barra l-attrazzjonijiet prinċipali fil-Belt Valletta, fuq il-midja soċjali ssemmew postijiet u attivitajiet oħra ta’ interess. Fost dawn hemm il-Festa Ħelu fil-Karlkara, attività fil-Kitchen Garden, ir-Rulina Fun Park u Train Ride fil-Mosta.

Kif diġà kien imħabbar mill-awtoritajiet, il-Karnival fil-jiem ta’ Frar ta’ din is-sena se jsir b’mod ridott fejn il-Festivals Malta se jtella’ attivitajiet relatati bi programm li jinkludi eżebizzjoni ta’ ritratti karnivaleski; oħra ta’ kostumi; installazzjonijiet artistiċi; kif ukoll spettakli u żjarat relatati mat-tema tal-Karnival. Wieħed jista’ jsib il-programm sħiħ bid-dettalji għall-Karnival ta’ Malta 2022 fuq is-sit ta’ festivals.mt 

Imbagħad, billi din il-festa hija waħda mill-pilastri ewlenin fil-kalendarju kulturali Malti, għal din is-sena biss, mistenni li jittella’ programm ieħor karnivalesk. Dan huwa ppjanat għal bejn l-20, 21 u 22 ta’ Mejju 2022 bil-għan li l-poplu jkun jista’ jgawdi aħjar il-Karnival b’mod responsabbli mal-miżuri rilevanti f’dan il-perjodu.

Ma nistgħux ma nsemmux…

Il-Karnival huwa żmien il-bluha u ċelebrazzjoni ta’ kuluri akkumpanjata minn mużika ferrieħa. Iżda wieħed ma jistax ma jfakkarx żewġ avvenimenti traġiċi li seħħu proprju b’relazzjoni ma’ din il-festa. 

• It-Traġedja tal-Karnival tal-1823 – Is-sena d-dieħla se jkunu għaddew eżattament 200 sena minn mindu proprju fil-festa tal-Karnival tal-11 ta’ Frar 1823, għal biċċa ħobż, madwar 110 tfal tilfu ħajjithom f’Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Din it-telfa enormi ta’ ħajjiet innoċenti li l-etajiet tagħhom kienu bejn il-15 u s-16-il sena, seħħet fi żmien meta l-Maltin kienu qegħdin ibatu l-ġuħ. 

Ħadd ma kien instab responsabbli għal din it-traġedja u sal-ġurnata tal-lum għadha ma saritx tifkira għal dawn il-vittmi li sfaw mgħaffġin f’ċirkostanzi verament sfortunati. Wieħed għandu jibqa’ jfakkarha.

• Il-mewt ta’ Jean-Paul Bonett  – Għalkemm din it-telfa ma seħħitx fil-Karnival “tradizzjonali”, iċ-ċelebrazzjoni tal-Karnival tas-sajf lokalment żied ħafna fil-popolarità. L-għan tiegħu huwa wkoll li jferraħ u jtella’ spettaklu karnivalesk għall-poplu Malti u jsir fi ġranet b’temp li jippermetti aktar minn dawk kesħin u b’maltemp li ħafna drabi jkollna fi Frar. 

Tliet snin ilu, f’Awwissu tal-2019, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival tas-Sajf tħassru wara li Jean-Paul Bonett, wieħed mill-aqwa artisti fis-settur u kien imexxi waħda mill-kumpaniji tal-Karnival ewlenin fil-pajjiż, tilef ħajtu traġikament wara li sofra xokk qawwi. Kienu ħafna Maltin li nħasdu b’din it-telfa u li esprimew sogħba kbira fuq il-midja soċjali. 

Bonett kien jaħdem bħala security guard fil-Marsa u kien eks impjegat fil-Progress Press.

Ekonomija

Sport