Thursday, June 19, 2025

Jingħata bidu għall-Malta International Wine Festival li għandu għaddej sal-Ħadd li ġej

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo fetaħ uffiċjalment il-Malta International Wine Festival li qed jittella’ fil-Ġonna tal-Argotti.  Dan il-festival, li għandu għaddej sal-Ħadd 22 ta’ Ġunju, huwa meqjus bħala pjattaforma importanti għall-promozzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-industrija tal-inbid f’pajjiżna.

Il-Ministru Anton Refalo ddeskriva din l-inizjattiva bħala parti minn sforz usa’ sabiex jissaħħaħ il-patrimonju vitikulturali ta’ pajjiżna.  “Dan il-festival jirrappreżenta ħafna aktar minn serata ta’ divertiment – huwa ċelebrazzjoni tal-għaqal, it-tradizzjoni u l-passjoni tal-bdiewa u l-produtturi tagħna,” qal il-Ministru Anton Refalo.

“Sodisfatti li bħala Gvern qed nappoġġjaw b’mod konkret inizjattivi bħal dawn li jgħinu mhux biss fil-promozzjoni ta’ dak li hu Malti, iżda wkoll iżidu l-għarfien dwar il-valur tal-prodott lokali u l-bżonn ta’ biedja sostenibbli,” temm jgħid il-ministru.

Id-Direttur ta’ dan il-festival Jonathan Pace qal kif il-festival joffri opportunità unika biex wieħed igawdi minn togħmiet ta’ inbid lokali, ikel tradizzjonali u attivitajiet kulturali għal kulħadd.

Preżenti kien hemm ukoll Robert Farrugia minn Missio Malta, għaqda li se tkun qed tibbenefika minn donazzjonijiet li jinġabru waqt l-attività.

F’dan l-avveniment ser jipparteċipaw ukoll għadd ta’ artisti lokali u internazzjonali fosthom tributes ta’ Phill Colins, The Police, Elvis fost l-oħrajn.

L-avveniment ser joffri ukoll għadd ta’ masterclasses fuq l-inbid bħala parti minn inizjattiva edukattiva li tkompli issaħħaħ il-promozzjoni tal-vitikultura.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport