Is-Sibt fl-Ingilterra jitla’ s-siparju tal-Premier League għalkemm il-Ġimgħa filgħaxija sar il-preludju meta Crystal Palace laqgħu lil Arsenal f’Selhurst Park f’dik li kienet l-ewwel derby ta’ Londra tal-istaġun il-ġdid.
Imbagħad illum ikun hemm sitt logħbiet oħra waqt li għada jintlagħbu t-tlieta li jkun fadal biex b’hekk tkun intlagħbet l-ewwel ġurnata meta dan l-istaġun beda kmieni aktar mis-soltu minħabba t-Tazza tad-Dinja li se ssir fil-Qatar f’Novembru u f’Diċembru.
Kemm il-bookmakers kif ukoll l-opinjonisti qed ipoġġu lil Manchester City favoriti li jirbħu t-titlu għas-seba’ darba fl-aħħar 10 snin b’Liverpool huma t-team li l-iktar iħabbathom.
Fulham v Liverpool – L-ewwel logħba tal-lum se tlaqqa’ liċ-champions taċ- Championship, Fulham, kontra r-runners-up tal-Premier League, Liverpool, li huma wkoll rebbieħa tal-FA Cup, tal-League Cup u tal-Community Shield kif ukoll finalisti taċ-Champions League.
Il-Cottagers għamlu bosta akkwisti matul is-sajf fosthom l-aħħar wieħed li huwa l-goalkeeper Ġermaniż, Bernd Leno, mingħand Arsenal. Dan minbarra l-midfielder Portugiż, Joao Palhinha (Sporting Lisbon), Andreas Pereira (Man United u Manor Solomon (Shakhat Donetsk).
Min-naħa tar-Reds huma tilfu lill-attakkant tas-Senegal, Sadio Mane, li mar ma’ Bayern Munich iżda minfloku akkwistaw lil Darwin Nunez (Benfica) u lil Calvin Ramsey (Aberdeen) u Fabio Carvalho (Fulham).
Bournemouth v Aston Villa – It-team promoss ta’ Bournemouth, li meta sfaw relegati fl-istaġun ta’ qabel, żammew lill-manager Scott Parker li żgur swielhom ta’ ġid għax kien jaf x’għandu bżonn biex jiksbu posthom lura mal-kbar. Huma se jilqgħu lil Aston Villa ta’ Steven Gerrard li fl-istaġun li għadda spiċċaw fl-14-il post.
Iċ-Cherries akkwistaw lil Ryan Fredericks (West Ham) Marcus Travenier (Middlesbrough) u Joe Rothwell (Blackburn) waqt li l-Villans kisbu lil Diego Carlos (Sevilla), Robin Olsen (Roma) u Philippe Coutinho (Barcelona).
Leeds v Wolves – Fl-istaġun li għadda Leeds salvaw fl-aħħar logħbiet milli jiġu relegati wara sentejn waqt li Wolves kienu trankwilli għal żmien twil jokkupaw is-seba’ post iżda fl-aħħar logħba temmew fl-10 wieħed.
Leeds tilfu lil Raphinha (Barcelona) u lil Kalvin Phillips (Man C.) u iktar xtaw minn barra l-pajjiż waqt li s’issa Wolves kisbu biss lid-difensur Nathan Collins (Burnley). Huma se jkollhom jgħaddu għal madwar xahrejn mingħajr l-attakkant Messikan, Raul Jimenez, li jinsab imweġġa’.
Newcastle v Nottm F. – Newcastle, li spiċċaw f’nofs il-klassifika se jilqgħu lit-team promoss, Nottm Forest, li ma jridux jieqfu milli jkomplu s-saħħu l-iskwadra tant li kisbu 12-il player fosthom Jesse Lingard (Man U.), Neco Williams (Liverpool) u Omar Richards (Bayern M.) waqt li l-Magpies ħadu lil Sven Botman (Lille) u Nick Pope (Burnley).
Tottenham v Southampton – Fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Spurs, il-manager Taljan, Antonio Conte, irnexxielu jwassal lit-team għal post fil-UEFA Champions League. Huwa għamel akkwisti kbar f’Ivan Perisic (Inter), Djed Spence (Middlesbrough), Clement Lenglet (Barcelona) Yves Bissouma (Brighton) u Richarlison (Everton).
Huma se jibdew kontra Southampton li min-naħa tagħhom ħadu lil Joe Aribo (Rangers) u Gavin Bazunu u Romeo Lavia (Man City).
Everton v Chelsea – L- istaġun li għadda kien se jkun wieħed fatali għal Everton meta salvaw posthom mal-kbar li ilhom fih għeriexen ta’ snin, iżda fl-aħħar mill-aħħar l-manager Frank Lampard żamm il-vapur fil-wiċċ. Il-players li ħadu s’issa huma Ruben Vinagre (Sporting Lisbon), James Tarkowski u Dwight McNeill (Burnley).
Huma se jibdew l-istaġun kontra avversarji diffiċli f’Chelsea li wara l-burraxka tas-saga tal-bejgħ tal-club minn Roman Abramovich issa huma setiljati. Huma ħadu żewġ players ta’ stoffa f’Raheem Sterling (Man C.) u Kalidou Koulibaly (Napoli) u għad iridu jżidu iktar magħhom.
Leicester C. v Brentford – Iċ-champions tal-2015-16, Leicester, li s-soltu jkunu fost l-ewwel sitta, issa niżlu fin-nofs tal-klassifika mingħajr l-ebda ċans li jkunu fl-Ewropa. Huma ma kisbu lil ħadd iżda tilfu lill-goalkeeper Kasper Schmeichel li mar ma’ Nice wara 11-il sena fil-King Power Stadium.
L-avversarji tagħhom Brentford, li jinsabu taħt il- gwida tal-manager Daniż, Thomas Frank, se jidħlu fit-tieni staġun tagħhom fil-Premier League. Huma ssaħħew bl-akkwisti ta’ Aaron Hickey (Bologna), Keane Lewis-Porter (Hull), Thomas Strakosha (Lazio) u Ben Mee (Burnley).
Man U. v Brighton – Wara staġun deludenti Manchester United ħatru lill-Olandiż, Erik ten Hag, biex idawrilhom il-fortuni tagħhom. Huwa kiseb lil Christian Eriksen (Brentford), Tyrell Malacia (Feyenoord) u Lisandro Martinez (Ajax), waqt li neħħa bosta players li żmienhom f’Old Trafford għaddielhom.
Brighton tilfu lid-difensur Marc Cucurella li l-bieraħ ingħaqad ma’ Chelsea, waqt li ħadu lil Julio Enciso (Libertad Asuncion), Simon Adingra (Nordsjaelland) u Benicio Baker-Boaitey (Porto).
West Ham v Man C. – Iċ-champions se jibdew barra minn darhom għand West Ham wara li tilfu lil Raheem Sterling (Chelsea) u Gabriel Jesus u Oleksandr Zinchenko (Arsenal). Iżda ħadu lil Erling Haaland (Borussia D.) u Kalvin Phillips (Leeds). Is-City għandhom ikunu fost il-favoriti li jirbħu t-titlu.
Min-naħa tal-Hammers, wieħed irid jara jekk humiex se jkomplu jissieltu mat-timijiet ta’ fuq meta minn staġun għall-ieħor team jagħmel kambjament, jew ‘il quddiem jew lura.
Huma kisbu lit-Taljan Gianluca Scamacca (Sassuolo), Nayef Aguerd (Rennes) u Alphonse Areola (Paris PSG).