Saturday, December 21, 2024

Jingħata bidu għall-proġett Każin 60+ biex l-anzjani jibqgħu attivi

Aqra wkoll

Permezz ta’ ftehim bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u Teatru Malta, se jkun qed jingħata bidu għal Każin 60+, li huwa proġett li se jara aktar anzjani jibqgħu attivi fil-komunità.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali José Herrera ħabbru dan fi tmiem l-iffirmar ta’ ftehim bejn iż-żewġ partijiet. Dan il-ftehim huwa investiment ieħor li jippermetti opportunitajiet għall-anzjani biex jibqgħu attivi u biex ikomplu jsegwu l-passatempi tagħhom jew saħansitra jesploraw talenti u passjonijiet ġodda.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jkopri l-ispejjeż tal-workshops waqt li Teatru Malta se tkun qed torganizza l-workshops fiċ-ċentri ta’ matul il-jum tal-Anzjanità Attiva, matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija.

“L-anzjanità attiva hija parti integrali mill-politika u l-viżjoni tal-gvern. Il-gvern jemmen li l-anzjani tagħna għandhom ħafna x’jikkontribwixxu u huwa importanti wkoll għalihom li jibqgħu involuti u attivi”, sostna l-Ministru Herrera.

Is-sessjonijiet se jsiru minn Teatru Malta, flimkien ma’ professjonisti żgħażagħ mit-teatru stress. “Dan ikun qed jagħti dimensjoni interġenerazzjonali lil dan il-proġett, li ninsab ottimist li se jkun qed iħalli impatt soċjali pożittiv ħafna”, qal il-Ministru Michael Farrugia.

Dawn il-workshops se jippermettu lil dawk li għandhom għal qalbhom it-teatru, li ġieli pparteċipaw f’sessjonijiet teatrali, jew jafu jkantaw jew idoqqu xi strument, biex isegwu u jtejbu t-talenti tagħhom.

Il-parteċipanti se jintgħażlu permezz ta’ audition. Il-proġett huwa mmirat għal grupp ta’ madwar 15-20 anzjan/a. Is-sessjonijiet se jsiru darba kull ħmistax (2 sessjonijiet fix-xahar għall-istess grupp) filgħaxija.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo Degabriele u minn Mary Ann Cauchi, id-Direttur għall-Finanzjament tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Ekonomija

Sport