Friday, November 29, 2024

Jingħata bidu għall-programm ta’ taħriġ mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali għal din il-leġiżlatura

- Jikteb Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali

Aqra wkoll

Bħalissa l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali għaddejja b’sensiela ta’ taħriġ, primarjament għall-membri eletti, sabiex dawn ikollhom l-għodod meħtieġa sabiex jaqdu bl-aħjar mod ir-responsabbiltajiet tagħhom bħala Sindki u Kunsilliera. 

Dan it-taħriġ huwa wkoll immirat għas-segretarji eżekuttivi u l-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali. Dan nagħmluh għaliex nemmnu li biex Kunsill Lokali jiffunzjona b’mod tajjeb, huwa meħtieġ li jkun hemm sinerġija sħiħa bejn il-membri eletti u l-Amministrattiv.

You Matter

Dan huwa proġett li l-Assoċjazzjoni nediet ftit tax-xhur ilu, fejn permezz tiegħu, il-membri eletti u l-ħaddiema għandhom l-opportunità ta’ sessjonijiet b’xejn ma’ persuni professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali. Għaldaqstant, dawk kollha li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli, li jkunu qed jaffettwawlhom ħajjithom, jistgħu jagħmlu użu minn servizz ta’ psikoterapija, psikjatrija u prevenzjoni, sabiex jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba.

Dan il-proġett jinkludi wkoll sensiela ta’ 4 seminars fuq sena sħiħa fejn permezz ta’ workshops, inġibu lil dak li jkun konxju kemm mis-servizzi li qed jiġu offruti kif ukoll diskussjonijiet b’mod miftuħ sabiex kull wieħed u waħda minnhom jagħrfu l-potenzjal tagħhom u kif il-ħiliet tagħhom jistgħu jużawhom fil-ħajja ta’ kuljum sabiex negħlbu l-isfidi li jitfaċċaw quddiemna.

It-tieni minn dawn is-sensiela ta’ seminars sar nhar is-Sibt li għadda, fejn għalih attendew Sindki u Kunsilliera, u kellhom anki l-opportunità jisimgħu esperjenza ta’ persuna pubblika li minkejja li għandha karriera ta’ suċċess fin-negozju u anki fil-passat fil-kant, xorta waħda hija wkoll kellha bżonn tirrikorri għall-għajnuna biex illum tinsab ferm aktar b’saħħitha biex tiffaċċja l-ħajja. U allura kienet eżempju ħaj ta’ kif wieħed m’għandux jibża’ jew iżomm lura milli jfittex l-għajnuna meta jkun meħtieġ.

Karl Gouder

Fl-istess attività, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, tat it-tislima xierqa tagħha lil Karl Gouder, li f’ħajtu serva bħala kunsillier, Sindku u anki Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali.

Preżenti kien hemm il-ġenituri tiegħu li assistew għal clip qasir mill-attivitajiet li Karl attenda flimkien mal-Assoċjazzjzoni u anki ġie mogħti lilhom ritratt ta’ tifkira biex tinżamm dejjem ħajja l-memorja ta’ Karl.

In-numri bħala mezz ta’ għodda ta’ tmexxija

Mifrux fuq tliet sezzjonijiet, 26 u 30 ta’ Settembru u 3 t’Ottubru, qed jingħata taħriġ dwar kif kunsillier jew sindku, jistgħu jifhmu aħjar l-interpretazzjoni tal-‘Financial Statements’ (FS).

Il-FS huma għodda importanti ħafna għaliex permezz tagħhom kunsill ikun jaf fejn qiegħed finanzjarjament u permezz t’hekk ikun jista’ japprova nefqiet ġodda jew proġetti. Dan jirriafferma l-importanza wkoll li dawn il-FS isiru fil-ħin u qabel jiġu approvati, il-kunsilliera kollha jkunu fehmu r-ritratt li jkun qed juri s-sitwazzjoni finanzjarja sa dak il-ħin.

Fil-fatt, bħal kull entità oħra, il-FS iridu jsir kull tliet xhur u biex wieħed jasal jagħlaq il-FS tal-aħħar tas-sena fil-ħin, irid jaċċerta li l-‘quarterlies’ ikunu magħluqa fil-ħin. Ma jistax jasal Ġunju jew Lulju u Kunsill ikun għad irid japprova l-FS ta’ bejn Jannar u Marzu (Q1), għax f’dak il-perjodu, suppost ikun f’pożizzjoni li jibda jikkonkludi l-FS ta’ bejn April u Ġunju (Q2).

Apparti dan kollu, tul dan it-taħriġ, dawk preżenti setgħu jaħdmu ‘hands on’ fuq il-FS tal-Kunsill rispettiv tagħhom u kellhom l-opportunità li jistaqsu u jiddiskutu materji differenti.

Fost materji li ġew diskussi kien hemm; l-użu tan-‘nominal accounts’ it-tajba, x’inhu dikjarat bħala dħul u ħruġ, l-importanza tar-reġistru tal-assi (FAR – Fixed Assests Registry) u għaliex għandu jkun dejjem aġġornat, l-importanza tal-‘budget’ u li dan ikun qed jiġi ċċekkjat kull ‘quarter’ biex ma nagħlqux is-sena b’‘deficit’, id-differenza bejn ‘deficit’ u dejn akkumulat, kif ukoll l-importanza li għandha tingħata l-iskeda tal-pagamenti, fost ħwejjeġ oħra. 

Fis-sessjoni tat-3 t’Ottubru, l-importanza u prijorità ser tingħata l-‘Business Plan’ (BP). Il-BP huwa għodda, li għandu jkun imfassal fuq il-manifesti elettorali, dak li ġie mwiegħed lir-residenti, bi pjan ċar ta’ kif u meta dan se jkun implimentat. Ovvjament, irid ikun ibbażat ukoll fuq il-fondi li għandu disponibbli l-Kunsill, l-allokazzjoni u opportunitajiet oħra ta’ fondi li l-Kunsill ikun jaf li se jieħu. Dan il-BP irid jiġi aġġornat skont il-ħtieġa, għalkemm idealment isir b’mod professjonali fil-bidu biex ma jkunx hemm ħtieġa ta’ ħafna tibdil bla bżonn.

Tul ix-xahar ta’ Novembru, ser jiġu organizzati tliet korsijiet oħra importanti dwar l-użu tal-‘accounting package’ tas-Sage, il-kitba tal-Ingliż b’mod tajjeb għan-negozju (English for business) u ‘word press’, l-użu tal-websites u l-aġġornar tagħhom.

Benesseri tal-anzjani fil-lokalitajiet tagħna

Fil-11 t’Ottubru, is-Sindki, Kunsilliera li huma responsabbli mill-anzjani kif ukoll is-Segretarji Eżekuttivi se jkunu mistiedna sabiex jattendu laqgħa ta’ informazzjoni dwar inizjattiva fil-komunità li tista’ tkun ta’ ġid lill-anzjani taghna. 

Ser ikun qed jiġi offrut lill-Kunsilli Lokali kollha, programm b’xejn ta’ sessjoni ta’ benesseri għall-membri anzjani tagħhom fil-komunità. Programm li ser ikun jinkludi, benesseri ħolistiku – fiżiku, mentali, psikoloġiku u soċjali.

Hekk kif il-popolazzjoni tagħna qed tixjieħ, qed isir dejjem aktar vitali li niżguraw li l-komunità tal-anzjani tagħna jibqgħu impenjati, b’saħħithom, u appoġġjati. Qed nipproponu programm pilota li jikkonsisti f’“Wellbeing Taster Session” ta’ tliet sigħat iddisinjati speċifikament għal residenti anzjani fil-lokalitajiet diversi. Din tista’ tidħol bħala parti mill-attivitajiet li int bħala kunsillier responsabbli mill-anzjani, tista’ tagħmel. 

Hemm evidenza xjentifika robusta li turi l-importanza tal-attività fiżika, konjittiva, impenn u s-saħħa soċjali fit-tnaqqis tal-inċidenza ta’ kundizzjonijiet kroniċi fost il-anzjani. Pereżempju, studju ppubblikat f’The Lancet sab li attività fiżika regolari tistaʼ tnaqqas ir-riskju ta’ mard tal-qalb u puplesija sa 35% u jdewwem il-bidu tad-dimenzja u l-marda ta’ Alzheimer b’madwar 30% (Lee et al., 2012). Barra minn hekk, ir-riċerka mill-Journal of Alzheimer’s Disease jenfasizza li l-impenn konjittiv u l-interazzjoni soċjali huma assoċjati b’mod qawwi ma’ riskju aktar baxx li tiżviluppa Alzheimer u forom oħra ta’ dimenzja (Wilson et al., 2013). 

Barra minn hekk, meta l-anzjani tagħna jkunu aktar attivi u impenjati, jistgħu jkomplu jikkontribwixxu fil-komunità, kemm jekk permezz ta’ volontarjat, mentoring, jew sempliċement billi tkun parteċipanti attivi fil-ħajja lokali. Din l-inizjattiva fl-aħħar mill-aħħar se trawwem ambjent aktar inklużiv, konness, u reżiljenti fejn il-membri kollha, irrispettivament mill-età, iħossuhom apprezzati u appoġġjati. 

L-Assoċjazzjoni tara valur fil-Kunsilli Lokali li huma jistgħu jkunu katalisti biex iwasslu inizjattivi simili fil-komunità anki sabiex nibqgħu rilevanti mal-bżonnijiet u l-bidliet li qed naraw iseħħu bejnietna.  

Għaldaqstant ser tkun qed issir din l-istedina lill-kunsilliera u jiġi spjegat lilhom dan il-programm u jkunu jistgħu jagħtu xi ħaġa differenti lill-anzjani tagħna, li wara kollox huma parti integrali mill-komunitajiet tagħna. 

Sport