Wegħda li saret fil-Manifest Elettorali issa tinsab fit-tieni edizzjoni tagħha, meta l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, ilbieraħ ta bidu għal-logħob sportiv bejn l-iskejjel, il-Malta School Games (MSG).
Fil-Manifest kien imwiegħed li l-Gvern se jsaħħaħ il-logħob bejn l-iskejjel, u li jittejbu l-benesseri tal-istudenti permezz ta’ attivitajiet sportivi strutturati u kompetizzjonijiet. Miżura mmirata għall-benesseri tal-istudenti biex dawn jitrawmu minn età bikrija fl-attività fiżika u l-isport. Din il-miżura kienet ukoll imsaħħa permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 li għandha bażi soda mibnija fuq il-benesseri tal-persuna u tenfasizza żieda fil-ħin u l-kwalità tal-attività fiżika fl-edukazzjoni obbligatorja. Il-logħob li kienu inawgurati llum jallinjaw mal-Istrateġija Nazzjonali għaliex jippromwovu l-inklużjoni, il-ħidma f’tim u l-iżvilupp kontinwu.
Iċ-ċerimonja saret fil-Kulleġġ De la Salle, li bħala rebbieħa ta’ kompetizzjoni li saret apposta, ġarrew il-fjamma tal-logħob.

“Din il-fjamma għandha sinifikat, għaliex hija simbolu ta’ tama, għaqda u perseveranza, li jirriflettu l-valuri Olimpiċi: Eċċellenza, Rispett u Ħbiberija. Aħna nemmnu li l-impatt li l-isports u l-attività fiżika għandhom fuq il-benesseri huwa importanti daqs il-benefiċċji fiżiċi. Għalhekk għalina l-isport huwa proċess tul il-ħajja li jrid jibda minn kmieni kemm jista’ jkun. Inħeġġeġ lill-istudenti biex jieħdu l-opportunità biex jibnu dixxiplina, ħidma f’tim u stil ta’ ħajja b’saħħtu permezz tal-isport u l-attività fiżika,” qal il-Ministru Grima.
Dawn il-logħob se jaraw kompetizzjoni bejn 127 skola Primarja, Medja u Sekondarja tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, u l-parteċipazzjoni ta’ 4,550 student u studenta. Il-Malta School Games huwa programm nazzjonali li jippromwovi l-attività fiżika, il-ħidma f’tim, l-inklużjoni u l-ispirtu skolastiku fost l-istudenti madwar Malta u Għawdex. Din is-sena, il-logħob jinkludi firxa wiesgħa ta’ 14-il dixxiplina sportiva, bil-finali li se jsiru bejn il-5 u l-14 ta’ Mejju, biċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-finali li se ssir fil-5 ta’ Mejju.
Din is-sena timmarka wkoll l-introduzzjoni ta’ żewġ MSG Shields, waħda għall-Iskejjel Primarji u oħra għall-Iskejjel Medji/Secondary. Minbarra l-midalji, l-istudenti se jirċievu wkoll token kommemorattiv speċjali tal-MSG.
Il-Ministru Grima rringrazzja lil Sport Malta, l-iskejjel parteċipanti, u l-partijiet kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-logħob, filwaqt li rrikonoxxa l-isforzi kollettivi ta’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi, federazzjonijiet u skejjel li qed jaħdmu lejn għan komuni li jwassal biex l-isport u l-attività fiżika jkunu viċin aktar tal-persuna, u biex tikber il-parteċipazzjoni tal-istudenti f’attivitajiet fiżiċi u sport.
“Tajjeb li nirrikonoxxi l-isforzi kollettivi ta’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi, federazzjonijiet u skejjel li qed jaħdmu lejn għan komuni. Għan li jwassal biex l-isport u l-attività fiżika jkunu viċin aktar tal-persuna, u biex tikber il-parteċipazzjoni tal-istudenti f’attivitajiet fiżiċi u sport,” temm jgħid il-Ministru Clifton Grima.

