Tuesday, March 3, 2026

Jingħata ċans li jirriforma ruħu … Sentenza sospiża wara li ammetta li kellu materjal indiċenti li fih jidhru persuni taħt l-età

Aqra wkoll

Raġel ingħata ċans li jirriforma ruħu wara li ammetta fil-Qorti li kellu fil-pussess tiegħu materjal indiċenti li juri persuni taħt l-età. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għall-perjodu ta’ ħames snin sabiex ikollu trattament adegwat bil-għan li ma jerġax jikkommetti reati simili u dan anke f’konfomità ma’ numru ta’ sentenzi li jimmilitaw favur ġustizzja riformattiva.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi fosthom li l-imputati ibati minn ħsibijiet suwiċidali kif ukoll il-fatt li huwa wera rimors kbir u għaldaqstant piena karċerarja ma kinitx waħda idonea u dan anke minħabba li l-prosekuzzjoni stess ma kinitx qiegħda tinsisti għal din il-piena. 

L-uffiċjal tal-probation li kienet qiegħda ssegwi lill-imputat informat lill-Qorti li huwa ilu minn Awwissu 2025 taħt kura psikjatrika u minn Novembru f’kuntatt ma’ psikologu fejn jidher li qed jirrispondi tajjeb kemm għall-medikazzjoni kif ukoll għat-terapija. 

“Dan il-każ huwa eżempju ċar fejn jidħol il-kunċett ta’ kura u kontroll. Minn banda jinħass li jrid ikun hemm element ta’ kontroll sabiex l-imputat ma jerġax jirrikorri għall-affarijiet li għamel u jkun hemm deterrent billi jingħata sentenza sospiża. 

“Mill-banda l-oħra, jidħol ukoll il-bżonn li l-imputat jingħata l-għajnuna sabiex ikompli jindirizza x’wasslu għal dak li għamel, u b’hekk qed jiġi rrakkomandat li wkoll jingħata Ordni ta’ Trattament,” qalet l-Uffiċjal tal-Probation.

Wara li qieset kollox, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u kkundannatu sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin. Dan filwaqt li tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal ħames snin. 

Barra minn hekk, a bażi tal-Kapitolu 518 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti ordnat li isem l-imputat jitpoġġa fir-Reġistru mwaqqaf fuq il-bażi ta’ dan l-att. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport