Thursday, October 9, 2025

Jingħata ħelsien mill-arrest wara li allegatament il-Pulizija sabet droga u €1,600 fi flus f’karozza

Aqra wkoll

Nathan Azzopard, ta’ 27 sena residenti Santa Luċija ngħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet wara li l-Pulizija allegatament sabet ammonti ta’ kokaina, eroina u anke €1,600 fi flus kontanti fil-karozza tiegħu waqt rejd bil-lejl aktar kmieni din is-sena.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Nadia Helena Vella li l-imputat kien ġie arrestat għall-ħabta tat-3.00am meta l-Pulizija kienet irċiviet informazzjoni dwar traffikar ta’ droga. Waqt l-arrest huma sabu rieqed fil-karozza li kienet ipparkjata f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Santa Luċija stess.

L-Ispettur James Mallia xehed li l-Pulizija sabu diversi pakketti żgħar li kien fihom droga eroina u kokaina kif ukoll żewġ mobiles. Wieħed minn dawn il-mobiles hu magħruf bħala “burner phone”. Sabu wkoll ammont ta’ flus kontanti.

Azzopardi wieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih. 

Il-prosekuzzjoni ssostni li d-droga ma kinitx maħsuba għall-użu personali, waqt li d-difiża argumentat li l-kwantità, madwar seba’ grammi, kienet żgħira u li l-flus ma kien hemm ebda prova li kienu marbuta ma’ ħasil ta’ flus.

Hekk kif komplew il-proċeduri fil-Qorti, id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat Nadia Helena Vella wara li semgħet liż-żewġ naħat laqgħet it-talba u tat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €3,000.

Huwa ġie ordnat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fil-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid, jgħix fl-indirizz tiegħu f’Santa Lucija, josserva kurfew bejn l-10.00p.m. u s-6.00a.m, u jżomm ‘il bogħod minn xhieda tal-prosekuzzjoni.

Azzopardi kien ordnat ukoll jiddepożita l-passaport u l-karta tal-identità tiegħu.

Id-difiża tmexxiet mill-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat mill-uffiċċju tal-AĠ Godwin Cini flimkien mal-Ispettur James Mallia.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport