Fl-aħħar ħinijiet ingħata l-aħħar tislima Domenico Caliendo tifel ta’ sentejn u nofs li miet fil-21 ta’ Frar f’Napli.
F’Diċembru li għadda, Domenico għadda minn operazzjoni biex jirċievi qalb ta’ tifel żgħir ieħor li kien għereq f’Bolzano. Jidher li din il-qalb ġiet trasportata f’kontenitur mhux adattat fejn ġiet f’kuntatt dirett mas-silġ (dry ice), u b’hekk spiċċat “maħruqa mill-frostbite”. Il-kontenitur jidher li lanqas biss kellu termometru biex jissorvelja t-temperatura.
Issa meta organu jiġi ttrasportat għal trapjant, dan irid jinżamm f’temperatura kkontrollata b’mod strett (ġeneralment bejn 2°C u 4°C) biex jibqa’ vijabbli. Fil-każ ta’ Domenico, jidher li l-qalb tqiegħdet f’kontenitur fejn messet id-dry ice (dijossidu tal-karbonju solidu) direttament. Dan is-silġ huwa bejn wieħed u ieħor -78.5°C, ħafna iktar kiesaħ minn dak li fih jista’ jgħix organu ħaj. F’dawn it-temperaturi taħt iż-żero, l-ilma ġewwa ċ-ċelloli tal-qalb jiffriża fi kristalli tas-silġ. Dawn jaġixxu qishom frammenti żgħar tal-ħġieġ, u jtaqqbu u jkissru l-membrani taċ-ċelloli. Ladarba ċ-ċelloli jkunu “maħruqa” minn din il-kesħa estrema, ma jibqgħux jikkuntrattaw jew jippompjaw id-demm.
Iżda minkejja din il-ħsara kbira li saret lill-qalb, it-trapjant sar xorta waħda. Il-kundizzjoni ta’ Domenico mill-ewwel qalbet għall-agħar, u l-pulmuni, il-fwied u l-kliewi ma baqgħux jaħdmu. Infetħu investigazzjoni dwar l-inċident, u sitt professjonisti mediċi tqiegħdu taħt investigazzjoni formali għar-rwoli tagħhom fit-trasport u l-kirurġija tal-organi u qegħdin jiġu indagati fuq omiċidju kolpuż.



