Ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet iż-żagħżugħ ta’ 20 sena mixli li stupra lill-eks sieħba tiegħu ta’ 14-il sena.
Bradley Mercieca, li fil-Qorti stqarr li kien jaħdem bħala gwardjan tal-ħabs, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Huwa jinsab mixli li bejn Frar tal-2025 u Settembru 2026, stupra lill-allegata vittma, li fiż-żmien meta beda jseħħ dan l-allegat reat hi kellha biss 14-il sena.
Mercieca jinsab mixli wkoll li żammha kontra l-volontà tagħha, li kkorrompa persuna taħt is-16-il sena, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha, li ħa ritratti jew filmati indiċenti tagħha, li taha fastidju, li beżżagħha, li heddidha u li insulentaha.
L-allegata vittma kienet stqarret mal-Pulizija li kien ilha madwar sena u nofs f’relazzjoni mal-imputat. Iddeskriviet ir-relazzjoni bħala “abbużiva” fejn allegat li l-imputat kien jisforzaha tagħmel attivitajiet sesswali u kien jieħu filmati tagħha waqt dawn l-atti kontra l-volontà tagħha.
Sadanittant, f’digriet mogħti t-Tnejn li għadda mill-Maġistrat Franco Agius, l-imputat ingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.
Huwa kien ordnat ukoll sabiex jiffirma l-għassa erba’ darbiet fil-ġimgħa u biex ikun f’daru mhux iżjed tard mit-8.00 p.m. u ma joħroġx minn hemm qabel is-6.30 tal-għada filgħodu.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Marshall Mallia u Carlos Cordina.
L-Avukati Franco Debono u Herman Mula dehru għal Mercieca.

