Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech tat il-ħelsien mill-arrest lil Hassane Soutra.
Soutra ta’ 53 sena mill-Marokk u residenti Marsalforn jinsab mixli li kmieni filgħodu ta’ nhar il-21 ta’ Diċembru saq fuq in-nies u weġġa’ gravi ħames persuni f’Marsalforn Għawdex. Wieħed mill-vittmi kien jinsab fil-periklu tal-mewt.
Hu kien akkużat ukoll li saq taħt l-infuwenza tax-xorb fejn irriżulta li kellu sa’ ħames darbiet alkoħol mill-massimu stabbilit bil-liġi biex wieħed isuq.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €25,000 flimkien ma’ għadd ta’ kundizzjonjiet, fosthom li jidher għal kull seduta tal-Qorti, li ma jsifirx, li ma jersaqx lejn ix-xhieda, li ma jagħmilx reat ieħor, li jiffirma l-Għassa tar-Rabat kuljum, li jkun id-dar bejn is-7.00 pm u s-7.00am.
Ma’ dan persuna qed isservi bħala terz garanti fuq depożitu ta’ €10,000.

