Raġel ta’ 33 sena mill-Olanda residenti Ħal Luqa ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel ta’ 56 sena fost l-oħrajn.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u l-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Brigitte Sultana tagħtu l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
Qabel: Raġel ta’ 56 sena residenti l-Mellieħa, qiegħed jingħata l-kura fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal ġrieħi gravi li sofra f’argument li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-6:00 p.m fuq il-vapur ta’ Għawdex.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ argument bejn ir-raġel ta’ 56 sena u ieħor ta’ 33 sena mill-Olanda, residenti Ħal Luqa.
Minħabba li r-raġel ta’ 56 sena sofra xi ġrieħi, tim mediku ġie msejjaħ fil-port tal-Imġarr u ambulanza ħaditu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Ir-raġel ta’ 33 sena qiegħed jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħarriġ, filwaqt li l- investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għadejjin.