Sunday, November 10, 2024

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li ħebb għal xufier tat-taxi

Aqra wkoll

Oliver Chandler Kassim, Ingliż ta’ 19-il sena residenti l-Mellieħa, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li ħebb għal xufier tat-taxi b’oġġett iebes u weġġgħu gravi.

Fuq Facebook, l-allegat vittma kiteb li huwa kien qed isuq lill-imputat lejn il-Mellieħa meta f’nofs triq allegatament beda jagħtih b’ponn tal-ħadid.

Fil-Qorti nstema’ kif il-każ seħħ kmieni l-Erbgħa filgħodu u li l-pulizija li investigaw il-każ allegatament kienu sabu l-kartiera tal-imputat fil-karozza.

Il-Prosekuzzjoni kienet oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat billi spjegat li dan allegatament attakka lill-vittma bla ebda raġuni u anke l-fatt li hemm il-biża’ li jista’ jaħrab mill-pajjiż. 

Id-Difiża argumentat li jekk il-verżjoni tal-allegata vittma, li tkellem fil-midja, kienet vera din ma tispjegax il-fatt li l-imputat għandu tbenġil ma’ dahru u oħra viċin għajnejh.

Intqal ukoll li waqt it-tfittxijiet tal-pulizija ma nstabu l-ebda armi. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €2,000. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur George Frendo. L-Avukati Stefano Filletti, Giannella De Marco u Maronia Magri dehru għall-imputat.

Sport