Monday, May 13, 2024

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ħareġ arma tan-nar waqt argument

Aqra wkoll

Raġel ta’ 64 sena mix-Xemxija ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti fejn ammetta li nhar it-Tlieta li għadda, ħareġ arma tan-nar waqt argument.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressaq il-Ħamis waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana fejn wieġeb ħati tal-akkui miġjuba kontra tiegħu. 

Fil-Qorti ħareġ kif il-Pulizija, għall-ħabta tat-8.00 p.m., kienet irċeviet rapport li raġel kien ħareġ arma tan-nar waqt argument. Minnufih l-uffiċjali tal-pulizija marru fuq il-post u s-sitwazzjoni ġiet taħt kontroll, bl-imputat ikun arrestat ftit tal-ħin wara. Il-Pulizija sabet ukoll l-arma fil-pussess tiegħu.

Wara li ammetta għall-akkużi, id-Difiża talbet li jsir pre-sentencing report fil-konfront tiegħu qabel tingħata s-sentenza, bil-Prosekuzzjoni ma ssibx oġġezzjoni għal din it-talba.

L-Avukat Manuel Galea, li deher għall-vittma, għamel talba sabiex tinħareġ ordni ta’ trażżin, bil-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi, bil-Qorti tilqa’ din it-talba u tfakkar lir-raġel li jekk jikser din il-kundizzjoni jeħel multa ta’ €7,000.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tad-Difiża għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000, u dan sakemm jiġi ppreżentat il-pre-sentencing report fi Frar tas-sena d-dieħla.  

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri. L-Avukat Richard Sladden deher għar-raġel.

Sport