Wednesday, November 27, 2024

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat b’serq ta’ lożor u saqqijiet

Aqra wkoll

Raġel ta’ 39 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb li mhux ħati li akkużat li seraq saqqijiet, lożor u oġġetti oħra, li għamel ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor u li kiser sentenza sospiża tal-Qorti.

Frankie Bugeja, li m’għandux indirizz fiss, ġie mixli li wettaq dawn ir-reati fil-11 ta’ Frar. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elisia Scicluna qalet li l-akkużat m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba li għad hemm xi xhieda li għadhom iridu jixhdu.

L-avukata tal-għajnuna legali ta’ Bugeja għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest. Fil-Qorti xehdet li l-akkużat se jibda programm ta’ riabilitazzjoni tad-droga fil-bidu ta’ Marzu. Min-naħa tiegħu, l-imputat ikkonferma li se jkun qiegħed jibda dan il-programm fit-13 ta’ Marzu.

Il-Maġistrat Monica Vella tat il-ħelsien mill-arrest lil Bugeja, taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jkellimx lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni, li jrid jiffirma fl-għassa darba fil-ġimgħa u li jrid jagħmel ċert li l-programm ta’ riabilitazzjoni jibdieh u jispiċċah.

Sport