In-Niġerjan ta’ 23 sena, li fl-aħħar sigħat tressaq il-Qorti mixli li saq b’mod perikoluż u kkaġuna ġrieħi gravi lil tfajla oħra, ngħata l-ħelsien mill-arrest.
Adam Akinolu minn San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti mixli b’rabta mal-inċident li seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda fi Triq in-Naxxar f’Ħal Għargħur. It-tfajla midruba kienet passiġġiera fil-karozza Mercedes C220 meta seħħet il-ħabta ma’ karozza oħra tal-għamla Mercedes Benz SLK250 misjuqa minn mara ta’ 28 sena mis-Swieqi.
Min-naħa tiegħu, l-akkużat ċaħad li saq b’mod traskurat u perikoluż, li kkawża ġrieħi lil ħaddieħor minħabba s-sewqan tiegħu, li saq mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni u li għamel ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor.
Il-Prosekuzzjoni minn naħa tagħha spjegat li l-akkużat m’għandu ebda dokumenti madankollu għandu applikazzjoni pendenti għal status ta’ refuġjat. Qalet li ilu Malta mill-2019.
Id-difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono u Francesca Zarb, qalet li l-inċident ma kienx intenzjonat u li l-klijent ikkopera mal-Pulizija. Hija talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet milqugħa mill-Maġistrat Lara Lanfranco fuq depożitu ta’€1,000 u garanzija personali ta’ €2,000. Barra minn hekk in-Niġerjan ġie ordnat jiffirma fl-Għassa tal-Qawra u pprojbit ukoll milli joħroġ bejn nofsillejl u s-6:00 a.m.