Raġel li nstab ħati illi ħebb għal ieħor u darbu gravi, ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaq l-ebda reat ieħor fi żmien tliet snin.
Omar Orsini, ta’ 31 sena u residenti Ħaż-Żabbar, ġie mixli li fis-6 ta’ Settembru tal-2018 weġġa’ gravi lil xufier ta’ vann fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar.
Il-Qorti semgħet kif il-vittma kien jinsab xogħol bi grupp ta’ turisti dakinhar li seħħ il-każ. Meta wasal Buġibba sema’ ħorn u ra vettura bajda ġejja mill-ġenb tiegħu; fiha kien hemm persuna li bdiet tagħmillu sinjal bil-mowbajl f’idejha. Il-vittma kompla jgħid li hu waqqaf il-vettura u li meta niżlu l-passiġġieri li kienu rekbin miegħu, l-imputat ħareġ mill-karozza, mar minn warajh u tah daqqa fuq ħalqu b’rasu, ġibdu lejh u l-vittma waqa’ fuq il-bankina. Minn dakinhar ‘l hemm huwa beda jkun muġugħ u kellu jagħmel operazzjoni.
Id-Difiża ma preżentat l-ebda evidenza b’rabta mal-każ u l-imputat naqas milli jagħti x-xhieda tiegħu. Il-Qorti kkumparat dak li qal il-vittma fil-Qorti ma’ dak li ntqal mill-vittma meta mar jagħmel ir-rapport u rriżulta li kien hemm sekwenza: “F’kull każ, ix-xiehda ta’ xhud biss, jekk emmnut minn min għandu jiġġudika fuq il-fatt, hija biżżejjed biex tagħmel prova sħiħa u kompluta minn kollox, daqskemm kieku l-fatt ġie ppruvat minn żewġ xhieda jew aktar”.
L-Avukat Ġenerali għamel referenza għall-fatt li oriġinarjament, il-vittma kien ġie ċċertifikat li ndarab ħafif u li kien wara li tlestiet il-kumpilazzjoni illi l-imputat ġie notifikat li kkawża ġrieħi gravi fuq il-vittma: Fin-nota ta’ rinviju għall-ġudizzju skont l-Artikolu 370(3) ma jistgħux jiżdiedu reati li dwarhom ma tkunx saret il-kumpilazzjoni; l-Avukat Ġenerali, naturalment, jista’ jnaqqas reat jew reati u anke jżid skużanti…”
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, illiberatu bil-kundizzjoni li ma jwettaq l-ebda reat ieħor fi żmien tliet snin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri.