Tuesday, July 1, 2025

Jingħata sentenza sospiża wara li ammetta li weġġa’ lis-sieħba tiegħu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 45 sena residenti l-Isla ingħata sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin wara li ammetta li kien wettaq vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu.

L-Ispettur Christian Cauchi spjegat quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li kienet il-vittma li kienet marret tagħmel rapport fl-għassa ta’ Bormla nhar il-Ġimgħa li għaddiet.

Skont ir-rapport li għamlet il-vittma qalet li hekk kif waslet id-dar rat lir-raġel jippuntalha dak li deher bħala arma tan-nar mit-tieqa tal-kċina.

Minn investigazzjonijiet li saru jidher li din l-arma tan-nar kienet replika.

l-Ispettur qal il-vittma allegat ukoll kif l-akkużat għafsilha jdejha, u kkawżalha ġrieħi ħfief. Hija żiedet li l-akkużat ilu jbati minn problema serja ta’ abbuż tad-droga.

Fil-Qorti ntqal li hekk kif l-akkużat kien qiegħed jiġi arrestat irvilla tant li ta daqqa fuq banketta u kiser idu.

L-imputat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.

Minbarra s-sentenza sospiża, il-Qorti ppresudat mill-Maġistrat Gabriella Vella ordnat li l-akkużat jitpoġġa taħt programm ta’ trattament għal tliet snin sabiex jindirriza l-problema tad-droga.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport