Rumen ta’ 38 sena residenti l-Mellieħa, ġie kkundannat erba’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li kien seraq flixkun xampanja minn ħanut tax-xorb fir-Rabat Għawdex.
Marian Lucian Apostol kien mixli mill-Ispettur Keith Xerri li fil-25 ta’ Settembru ta’ din is-sena kien seraq flixkun xampanja b’valur ta’ €157.89 b’dannu għas-sidien tal-ħanut Sqaure Cellar.
Fil-Qorti ntqal li waħda mis-sidien tal-ħanut kienet marret tagħmel rapport l-Għassa tar-Rabat Għawdex fl-10 ta’ Ottubru fejn qalet li kien hemm raħel li kien seraq mill-ħanut tagħhom flixkun xampanja tal-marka Don Perignon.
Fir-rapport kienet qalet li din is-seraq kienet seħħet fil-25 ta’ Settembru ta’ din is-sena għall-ħatba tas-5.45pm iżda kienet indunat wara li dan il-flixkun kien jinsab nieqes mill-ħanut.
Sid il-ħanut kienet għaddiet il-filmati ta’ CCTV lill-Pulizija u wara li l-Ispettur Keith Xerri ra dawn il-filmati kien għaraf liż-żewġ persuni li dehru fl-istess filmati. Dawn l-istess persuni kienu diġà bdew jiġu investigati fuq serqiet oħrajn u fil-fatt kienu tressqu l-Qorti.
Mill-filmati deher li għalkemm l-akkużat ma kienx ħa l-flixkun tax-xampanja hu direttament, huwa kien ra li jżomm lil sid il-ħanut okkupat sakemm sieħbu seta’ jisraq il-flixkun tax-xampanja minn fuq l-ixkaffa.
Iż-żewġ sidien tal-ħanut identifikaw lill-imputat fil-Qorti li kien hu li wettaq din is-serqa.
Wara li l-Maġistrat semgħa l-provi kollha mressaq mill-Prosekuzzjoni, sab lir-Rumen ħati u kkundannat erba’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn kif ukoll li jrid iħallas lura €157.89 lis-sidien, il-valur tal-flixkun xampanja li seraq.
L-Ispettur Keith Xerri mexxa l-Prosekuzzjoni.

