Ħames persuni fosthom żewġ żviluppaturi – wieħed ta’ 37 sena min-Naxxar u l-ieħor ta’ 38 sena minn Birkirkara, żewġ kuntratturi – wieħed ta’ 38 sena mill-Imsida u l-ieħor ta’ 39 sena mill-Mosta u Perit ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabba tressqu l-qorti mixlija bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia u li kkawżaw ġrieħi gravi fuq persuni oħra, fost akkużi oħrajn.
L-Ispettur Paul Camilleri għan-nom tal-Prosekuzzjoni beda biex jixhed dwar x’wassal għall-arrest tal-imputati u li l-Ġimgħa l-Korp tal-Pulizija ġiet mgħarraf li ngħalqet l-Inkjesta Maġisterjali – li minnufih bdiet ħidma biex jiġu arrestati dawk imsemmija fl-inkjesta.
Huwa xehed li tnejn mill-imputati taw ruħhom b’idejhom wara li rċievew telefonata mill-Pulizija. Xehed ukoll kif is-Sibt 21 ta’ Lulju, żewġ imputati kkontestaw l-arrest tagħhom quddiem il-Qrati liema talba ma kinitx milqugħa mill-Qorti.
L-Avukat tad-Difiża Franco Debono li qiegħed jidher għan-nom tal-iżviluppaturi Kurt Buhagiar and Matthew Schembri staqsa diversi mistoqsijiet dwar kif seħħew il-proċeduri b’rabta mal-arrest tal-klijenti tiegħu hekk kif qed tiġi kkontestata l-validità tal-arrest tagħhom. Mistqosi jekk il-klijenti tiegħu xehdux f’din l-inkjesta, l-Ispettur qal li kien hemm drabi li wieġbu u drabi oħra meta eżerċitaw id-dritt tagħhom tas-silenzju
L-Ispettur Camilleri żied jgħid li l-pulizija marru biex jarrestaw lill-perit fid-dar tagħha, iżda ma sabuhiex hemm. Jidher li l-perit qed tistenna tarbija u qattgħet żmien twil l-isptar u kien proprju lbieraħ li l-pulizija tkellmet magħha. Ikkonferma li hija kkooperat b’mod sħiħ fl-investigazzjoni. L-Ispettur Magri qal li l-akkużati ma pprovawx jaħarbu mill-pajjiż jew jirreżistu l-arrest.
Talba għall-ħelsien mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja
Il-ħames akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi li nġiebu kontrihom u talbu għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bl-Ispettur ifakkar dwar il-gravità tal-każ b’rabta ma’ inkjesta li ilha xhur biex titlesta u li relatati hemm akkużi li jlaħħqu sa massimu ta’ 10 snin priġunerija. Huwa qal li hemm għajta pubblika wkoll u jekk dawn jingħataw il-ħelsien mill-arrest ċertament se jkun hemm reazzjoni ta’ rabja pubblika li mhix fl-interess tal-pajjiż. Qal ukoll li għad hemm nies li rrifjutaw li jixhdu fl-inkjesta biex ma jinkriminawx ruħhom u issa huma obbligati li jixhdu. Fost dawn hemm il-ħaddiema li weġġgħu fl-istess inċident li fih miet iż-żagħżugħ.
L-Avukat Franco Debono qal li l-Ispettur qed jikkontradixxi lilu nnifsu għax qed jibża’ li l-akkużati jaħarbu mill-pajjiż, meta hu stess qal li l-imputati kkooperaw. L-Avukat kompla biex jirribatti l-argument tal-prosekuzzjoni u qal li allaħares il-Qorti tiġi f’sitwazzjoni fejn tispiċċa influwenzata skont l-għagħa u mhux skont il-ħaqq u l-liġi. Huwa enfasizza l-punt li d-difiża jiddispjaċiha għat-telf tal-ħajja ta’ Jean Paul u qal li anke l-akkużati huma ddispjaċuti li persuna tilfet ħajjitha. Huwa qal li dak li jgħodd huwa dak li jingħad fl-awla mhux dak li jingħad barra.
Wara li ssospendiet is-seduta għal xi ħin, il-Maġistrat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati taħt diversi kundizzjonijiet.
Wara li ssospendiet is-seduta għal xi ħin, il-Maġistrat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati taħt diversi kundizzjonijiet.
Il-qorti ordnat biex Kurt Buhagiar jiddepożita l-Karta tal-Identita’ tiegħu u l-passaport il-qorti, ma jħallix il-pajjiż mingħajr il-permess tal-qorti, ma jersaqx u ma jagħmel ebda kuntatt max-xhieda tal-prosekuzzjoni u jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000. L-istess kundizzjonijiet japplikaw ukoll għall-akkużati Schembri u l-Perit Zammit.
Milimor Jovicevic ġie ordnat jagħmel depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000. Martu, Dijana Jovicevic kienet ordnata tagħmel depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Huma għandhom ukoll jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija bil-Maġistrat tgħid li Dijana għandha permess temporanju biex ma tagħmilx dan.
L-Avukat Stephen Tonna Lowwel qed jidher għall-Perit Adriana Zammit, l-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Borg qed jidhru għall-iżviluppaturi Kurt Buhagiar u Matthew Schembri u l-Auvkat Timothy Bartolo qed jidher għall-kuntrattur Miromir Jovicevic.
L-Avukati Therese Comodini Cachi, Joe Gigilio u David Bonello qed jidhru għall-familja tal-vittma.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi tal-Pulizija Paul Camilleri u Antonello Magro.