Żewġt irġiel , wieħed ta’ 32 sena u l-ieħor ta’ 33 sena, t-tnejn mis-Serbja u li jgħixu fl-istess appartament f’Tal-Ibraġġ ingħataw l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, wara li tressqu l-Qorti mixlija li kienu involuti f’argument fis-Swieqi, li fih ġew feruti żewġ irġiel oħra.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Michael Vella spjegat li l-argument seħħ il-ħadd li għadda fi Triq il-Modd fis-Swieqi u li allegatament waqt l-argument li seħħ bejn iż-żewġ akkużati u żewġt irġiel Ukreni, intuża martell.
Ingħad ukoll li wara li seħħ l-argument, Nebojsa Glavnik u Filip Bakocevic iż-żewġ akkużati ħarbu minn fuq il-post. L-Ispettur Vella spjega li l-Pulizija arrestat lil Glavnik u lil Bakocevic fis-Swieqi stess.
Quddiem Magistrat Abigail Critien, iż-żewġ akkużati wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom, bid-Difiża tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest. Din it-talba ġiet oġġezzjonata millProsekuzzjoni, bir-raġuni li għad fadal xi xhieda x’jixhdu.
Il-Maġistrat Critien laqgħet it-talba tad-Difiża u tat il-ħelsien mill-arrest liż-żewġ akkużati fuq diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €3,000. Huma ġew mitluba wkoll sabiex jiffirmaw l-għassa ta’ San Ġiljan 3 darbiet fil-ġimgħa.
Il-Qorti ordnat lill-akkużati sabiex ma jagħmlu ebda kuntatt mal-vittmi u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.
Għall-akkuzati dehru l-Avukati Shazoo Ghaznavi u Jessica Formosa.