Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ħabbar li ġie ppubblikat it-tender għall-espansjoni u żvilupp tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Is-sit attwali fl-Isptar Mater Dei jikkonsisti mid-Dipartiment tal-Emerġenza u l-parkeġġ li jmissu miegħu, kif ukoll żona ħadra u l-bini tal-Medical Assessment Unit (MAU). L-iżvilupp propost se jittrasforma din iż-żona b’mod sinifikanti. Il-parkeġġ eżistenti tad-Dipartiment tal-Emerġenza se jinbidel hekk kif ġej:
• Livelli 9 u 10 – estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza
• Livelli 11, 12, 13 & 14 – Swali Mentali Akuti
• Livell 15 – Plant Room
Barra minn hekk, l-ispazju ’l fuq mill-MAU eżistenti, li jinsab f’Livell 10, se jiġi estiż biex jakkomoda aktar Swali Akuti fuq il-Livelli 11 sa 13.
• Bini ta’ Plant Room oħra fuq Livell 14.
• Iż-żona ekoloġika attwali se tiġi żviluppata wkoll biex tinkludi substation ġdida fil-Livell 8 u 9.
• Livell 10 se jinbidel fil-parkeġġ il-ġdid għad-Dipartiment tal-Emerġenza u Livell 11 se jipprovdi żona fuq barra ddisinjata speċifikament għall-pazjenti Akuti.
Dan l-iżvilupp estensiv għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tal-isptar u jtejjeb is-servizzi, b’mod partikolari fil-kura tas-saħħa mentali u t-trattament tal-emerġenza. Is-sit ikopri areatotali ta’ 7,100m² – il-volum skavat huwa ta’ 10,500 metru kubu.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn: https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/prepareViewCfTWS.do?resourceId=11730496