Friday, May 17, 2024

Jinħarġu aktar minn 12-il elf ċitazzjoni f’Għawdex fl-ewwel għaxar xhur tas-sena

Aqra wkoll

F’Għawdex bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena ngħataw 12,284 ċitazzjoni. Dawn inħarġu kemm mill-uffiċjali tal-Pulizija u anke minn dawk tal-LESA. Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament meta l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri kien qiegħed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Alex Borg.

L-aktar lokalità li fiha ħarġu ċitazzjoni kien fil-Belt Victoria fejn b’kollox inħarġu 5,517-il ċitazzjoni. Dan filwaqt li l-aktar xahar li fil-Belt Victoria nħarġu ċitazzjonijiet kien f’Ottubru li għadda fejn ingħataw 885 il-ċitazzjoni.

It-tieni lokalità li fiha nħarġu l-akbar ammont ta’ ċitazzjonijiet f’Għawdex kien iż-Żebbuġ li fih jinkludi Marsalforn. B’kollox fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, fiż-Żebbuġ u Marsalforn ingħataw 2,076 il-ċitazzjoni. L-aktar xahar li fih ingħataw ċitazzjonijiet f’din il-lokalità kien f’Awwissu li għadda fejn b’kollox inħarġu 417-il ċitazzjoni. Wieħed jista’ jifhem li dan in-numru ta’ ċitazzjonijiet f’Awwissu ngħata minħabba l-influss kbir ta’ nies li jkun hemm Marsalforn.

It-tielet l-aktar lokalità li fiha nħarġu ċitazzjonijiet kien Għajnsielem li miegħu jinkludi l-Imġarr. B’kollox fl-ewwel għaxar xhur tas-sena nħarġu 1,316-il ċitazzjoni u kien ix-xahar li għadda li fih ingħataw l-aktar ċitazzjonijiet fejn b’kollox ingħataw 156 ċitazzjoni.

Jekk wieħed jara l-lokalità tal-Munxar li fiha hemm inkluż ix-Xlendi, fl-istess perjodu tas-sena nħarġu 635 ċitazzjoni u kien ix-xahar ta’ Lulju li fih inħarġu l-akbar ammont. Dan hekk kif ingħataw 106 ċitazzjonijiet.

Min-naħa l-oħra San Lawrenz kien l-inqas lokalità li fiha nħarġu ċitazzjonijiet fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena. Dan hekk kif inħarġu biss 44 ċitazzjoni fejn fix-xhur ta’ Marzu u Ġunju inħarġet ċitazzjoni waħda għal kull xahar.

Sport