Thursday, December 26, 2024

Jinħarġu iktar minn 600 kontravenzjoni matul il-jiem tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena

Aqra wkoll

Sa mill-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru, partikolarment matul il-jum tal-festi tal-Milied u fil-lejl tal-ewwel tas-sena fit-toroq Maltin kien hemm il-preżenza ta’ pulizija li wettqu diversi spezzjonijiet, f’ħinijiet differenti matul il-ġurnata, bil-għan li jiġu evitati kemm jista’ jkun l-inċidentii tat-traffiku.

Intant sal-lejl illi għadda, b’kollox saru aktar minn 160 roadchecks fejn fihom twaqqfu madwar 4,500 vettura. Matulhom, il-Pulizija ħarġet iktar minn 600 kontravenzzjoni. Fost it-taħrikiet, ingħataw taħrika lill-sewwieqa li kienu qed isuq mingħajr liċenzja, lis-sewwieq li għamlu użu minn mobile waqt li kienu qed isuqu u lil dawk li kienu qed isuqu b’veloċità iktar milli tippermetti l-liġi.

Kien hemm ukoll sewwieqa li ġew imħarrka għax ma kienux lebsin iċ-ċintorin tas-sigurtà waqt li qed isuqu. Ġew imħarrka wkoll xi sewwieqa li kellhom il-vetturi bi ħġieġ tinted bi ksur tal-liġi. Il-Pulizija rmunkat ukoll diversi vetturi minħabba li s-sewwieqa ma ppreżentawx liċenzja valida, waqt li ħarġu numru ta’ kontravenzzjonijiet fuq vetturi Y Plates li ma kellhomx il-permessi relatati, flimkien ma’ verifikazjonijiet tad-dokumenti ta’ residenza.

Ġie innutat ukoll kif matul il-lejl tal-ewwel tas-sena, ma ġewx irrapportati inċidenti tat-traffiku, waqt li matul il-jiem kollha tal-festi, ma seħħ ebda inċident serju tat-traffiku. F’dawn l-ispezzjonijiet instab li l-maġġoranza assoluta tal-vetturi li twaqqfu kienu qegħdin iħarsu r-regolamenti tat-traffiku, u fejn ma kienux, ittieħdet azzjoni immedjata. Il-vetturi li twaqqfu ġew iċċekkjati l-liċenzji u l-assikurazzjoni tas-sewqan jekk humiex validi jew le; fejn kien hemm suspett raġjonevoli saru testijiet tal-breathalyzer, kif ukoll tfittxijiet fil-vetturi mill-klieb tal-Pulizija.

L-ispezzjonijiet fit-toroq kienu kkoordinati mill-Korp tal-Pulizija, bl-assistenza ta’ uffiċjali minn Transport Malta. Il-Pulizija qalet li dawn l-eżerċizzji ta’ spezzjonijiet fit-toroq mhux se jieqfu fil-lejl ta’ bejn l-aħħar u l-ewwel tas-sena, iżda se jibqgħu għaddejjin tul is-sena kollha bil-għan li f’Malta u f’Għawdex ikun hawn toroq iżjed siguri.

Dan qalitu l-Pulizija fi stqarrija, fejn kelliem tal-Korp tal-Pulizija qal li “Il-Korp tal-Pulizija jirringrazzja lil kulħadd tal-koperazzjoni biex matul dawn il-jiem ta’ festi kellna toroq siguri u bla ebda inċident serju. Il-Korp tal-Pulizija jagħmel diversi spezzjonijiet matul is-sena kollha bl-għan ewlieni huwa li nżidu s-sigurtà fit-toroq u naraw li min qiegħed isuq, qiegħed jagħmel dan kif titlob il-liġi.

L-appell tagħna dejjem jibqa’ wieħed : ssuqx taħt l-influwenza tal-alkoħol; issuqux b’veloċità eċċessiva iżda bil-galbu; u tużax apparat elettroniku waqt li qed issuq. Il-Korp tal-Pulizija jawgura lil kulħadd is-sena t-tajba”.

Ekonomija

Sport