Tuesday, August 12, 2025

Jinħarġu rekord ta’ 57,891 Karta tal-Identità fl-ewwel sitt xhur

Jiġu rreġistrati 2,197 twelid ġdid u 2,221 imwiet

Aqra wkoll

L-Aġenzija Identità f’rapport li ppubblikat għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena qalet li kulma jmur qiegħed isir sforz akbar biex jingħata servizz effiċjenti, ffidabbli u siguri lir-residenti ta’ Malta u Għawdex, filwaqt li żżomm standards għoljin ta’ u fiduċja tal-pubbliku.

Ir-rapport jitratta diversi qosma li l-Aġenzija Identità tieħu ħsieb fosthom it-Taqsima tal-Compliance. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, twettqu total ta’ 92 spezzjoni biex tiżgura l-konformità mal-liġijiet u l-istandards rilevanti. Dawn l-ispezzjonijiet saru b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet governattivi oħra, fosthom il-Korp tal-Pulizija, Transport Malta, LESA u Jobsplus. 

Ir-rapport jgħid li l-ispezzjonijiet saru f’diversi postijiet tax-xogħol, fosthom f’siti ta’ kostruzzjoni, fit-toroq madwar Malta u Għawdex u kif ukoll f’26 postijiet ta’ divertiment, inklużi lukandi u ristoranti.

“L-istess Taqsima wettqet ukoll 299 investigazzjoni, b’enfasi partikolari fuq irregolaritajiet suspettati, u rreferiet 147 individwu lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta għal aktar investigazzjoni jew passi legali skont il-bżonn. Dawn l-isforzi jirriflettu l-ħidma kontinwa tal-aġenzija għal aktar sigurtà għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,” jingħad fir-rapport ippubblikat.

Trabi rreġistrati, imwiet u żwiġijiet

L-Aġenzija Identità tgħid li bejn Jannar u Ġunju 2025, ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta u Għawdex irreġistraw total ta’ 2,197 twelid ġdid, li minnhom 1,138 kienu subien u 1,059 kienu bniet. Ġew irreġistrati wkoll total ta’ 2,221 imwiet, li minnhom 1,139 kienu rġiel u 1,082 kienu nisa. Interessanti wieħed jinnota li n-numru ta’ twelid u mwiet fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena f’Għawdex kien l-istess, 183, filwaqt li f’Malta ġew irreġistrati total ta’ 2,014 tarbija ġdida u 2,038 persuna mejta. Matul l-istess perjodu kienu rreġistrati total ta’ 72 żwieġ f’Għawdex u 991 żwieġ f’Malta. 

Ħruġ ta’ ċertifikati

Fl-istess rapport l-Aġenzija Identità tgħid li b’mod ġenerali, ir-Reġistru Pubbliku f’Malta ħareġ 38,603 ċertifikat, li kienu jinkludu 19,499 ċertifikat tat-twelid, 6,724 ċertifikat taż-żwieġ u 12,380 ċertifikat tal-mewt u r-Reġistru Pubbliku f’Għawdex ħareġ 2,881 ċertifikati li jinkludu 1,099 ċertifikat tat-twelid, 343 ċertifikat taż-żwieġ u 1,439 ċertifikat tal-mewt.

It-Taqsima tar-Riċerki pproċessat total ta’ 19,306 riċerka, li minnhom 7,681 kienu riċerki Testamentarji, 54,833 kienu Normali u 37,421 kienu Aġġornamenti.

Passaporti u Karti tal-Identità

Intant l-Uffiċċju tal-Passaporti f’Malta ħareġ total ta’ 26,008 passaporti ġodda bix-xahar ta’ April kien l-aktar wieħed impenjattiv b’4,795 passaport maħruġ u miġbur. Dawn iċ-ċifri juru tnaqqis meta mqabbel mas-sena 2024 hekk kif fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet ġew ipproċessati 29,799 passaport.

Fid-dawl tal-eżerċizzju nazzjonali tat-tiġdid tal-Karta tal-Identità Maltija, t-Taqsima tal-Karta tal-Identità irreġistrat talba qawwija għal dan is-servizz. Fil-fatt matul l-ewwel nofs tal-2025, u ħarġet total ta’ 57,891 Karta tal-Identità ġdida għaċ-ċittadini Maltin f’Malta u Għawdex. L-iktar xahar impenjattiv kien

Mejju, fejn ġew inħarġu total ta’ 11,321 Karta tal-Identità, li minnhom 8,473 kienu tiġdid tal-Karta tal-Identità.

“Dawn iċ-ċifri jirriflettu d-dedikazzjoni kontinwa tal-impjegati tal-Aġenzija Identità f’diversi dipartimenti u taqsimiet, biex jiżguraw li s-servizzi jibqgħu aċċessibbli, fil-ħin u siguri. L-Aġenzija tibqa’ impenjata li żżomm l-ogħla standards fl-għoti tas-servizzi, li tissalvagwardja l-integrità tal-identità u li ttejjeb l-esperjenza taċ-ċittadini f’kull aspett tal-operat tagħha,” intqal fir-rapport li ġie ppubblikat mill-Aġenzija Identità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport