Saturday, November 16, 2024

Jinħatru 35 Surġent tal-Pulizija

Aqra wkoll

Ħamsa u tletin kuntistabbli tal-Pulizija ġew promossi fil-kariga ta’ surġent, nhar il-ħamis 26 ta’ Novembru, f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana. Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà. B’kollox inħatru 22 raġel u 13-il mara bħala surġenti tal-Pulizija. 

Fil-messaġġ tiegħu lis-surġenti ġodda, il-Ministru Byron Camilleri ħeġġeġ lill-uffiċjali biex ikunu ta’ eżempju għal kollegi l-oħra u joħorġu għal ġurnata tax-xogħol bil-għan li jagħtu kontribut akbar lill-pajjiż. “Tistriħux għax issa sirtu surġenti. Araw dan bħala l-ewwel pass biex tkabbru l-karriera tagħkom fil-Korp tal-Pulizija,” qal il-Ministru Camilleri. Hu spjega kif il-poplu Malti jħares lejn il-Korp tal-Pulizija bħala l-għodda ewlenija għas-sigurtà tiegħu, għalhekk il-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi tal-Korp. 

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, qal li biex il-pubbliku jafda iktar lill-pulizija, is-surġenti l-ġodda għandhom irwol importanti fejn tidħol il-kontabbilità u sostna li l-Korp tal-Pulizija m’għadux korp immexxi mill-Kummissarju waħdu. “Il-pubbliku qiegħed juri fiduċja fejn hemm il-kunċett tal-Pulizija tal-Komunità u qatt daqs illum is-surġenti li jmexxu dawn l-iskwadri, għandhom irwol importanti”, qal il-Kummissarju tal-Pulizija. Is-Sur Gafà fakkar lis-surġenti l-ġodda bl-istrateġija ta’ trasformazzjoni li ppubblika l-Korp ftit tal-ġimgħat ilu, fejn mhux biss kulħadd jaf li neżistu, iżda l-pulizija irid jassigura li jkollna pajjiż sigur.

200 uffiċjali jingħataw midalja għal servizz twil u effiċjenti 

Intant, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju Angelo Gafà, ippresedew ċerimonja tal-għoti tal-Midalji għal Servizz Twil u Effiċjenti, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana. 

71 membru tal-Korp tal-Pulizija ngħataw midalja għal servizz twil u effiċjenti li tingħata mat-18-il sena servizz. 114-il membru u eks-membru tal-Korp ingħataw l-ewwel clasp, li tingħata mal-25 sena ta’ servizz, filwaqt li 15-il membru u eks-membru tal-Korp ingħataw it-tieni clasp, li tingħata mat-30 sena servizz. 

F’kelmtejn tal-okkażżjoni, il-Ministru Byron Camilleri qal li wieħed li jaħdem għal pajjiżu u f’isem il-pajjiż hija waħda mill-ikbar kisbiet li jista’ jkollok f’ħajtek. Il-Ministru faħħar il-ħidma eżemplari tal-uffiċjali filwaqt li fakkarhom fir-responsabbilità u valuri li ġġorr magħha l-unformi. “Il-ħidma tal-pulizija hija strumentali biex inħarsu s-sigurtà u l-ordni fil-pajjiż u l-aqwa riżorsa tal-Korp mhix it-teknoloġija moderna imma l-pulizija”, qal il-Ministru Camilleri. 

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, qal li ż-żmien li qegħdin ngħixu fih huwa żmien straordinarju, imma xorta waħda għad hemm l-entużjażmu f’dawn l-uffiċjali, minkejja s-snin twil li ilhom fis-servizz. “Il-Korp tal-Pulizija qabad it-triq li bl-azzjonijiet tiegħu qiegħed isaħħaħ il-fiduċja tan-nies fih. Dan qiegħed isir billi jinġiebu r-riżultati u li l-korp ikun wieħed eżemplari”, qal il-Kummissarju tal-Pulizija.

Ekonomija

Sport