Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbar il-ħatra ta’ Kumitat Konsultattiv ġdid għall-mobilità sostenibbli, wara laqgħa bejn il-Ministru Chris Bonett u c-Chairperson tal-Kumitat, Matthew Farrugia. Il-Kumitat Konsultattiv għall-Mobilità Sostenibbli għandu l-għan li fost oħrajn, jagħti pariri dwar proġetti ta’ trasport sostenibbli, jippromwovi innovazzjoni u inklużjoni, jgħin fl-integrazzjoni tal-mobilità fl-ippjanar urban, jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn stakeholders varji, jevalwa l-progress u jirrakkomanda miżuri biex titjieb il-kwalità tal-arja u l-aċċess għat-trasport.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett spjega kif dan il-pass jifforma parti essenzjali mill-pjan “Reshaping our Mobility”, programm ta’ 18-il xahar li jħares lil hinn minn inċentivi u inizjattivi relatati biss ma’ karozzi u muturi. Huwa qal li l-pjan jinkludi diversi pilastri, fosthom wieħed iddedikat għall-mobilità alternattiva. “Bħalissa għaddejja ħidma fuq diversi strateġiji nazzjonali relatati mal-mobilità alternattiva u sostenibbli, inkluż l-ewwel abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu li ġie ppreżentat ftit jiem ilu. Il-ħatra ta’ dan il-Kumitat hija ħolqa kruċjali biex dawn id-dokumenti jiġu analizzati biex flimkien nieħdu azzjoni li tagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum,” qal il-Ministru Bonett.
Matthew Farrugia, bħala Chairperson tal-Kumitat, se jkollu wkoll l-irwol ta’ Ambaxxatur għall-Mobilità Sostenibbli biex jippromwovi mobilità sostenibbli, joħloq laqgħat u workshops kif ukoll iħares l-interessi taċ-ċittadini vulnerabbli. Huwa saħaq li, “B’dan ir-rwol u l-ħidma ta’ dan il-kumitat, irrid niżgura li l-ideat ta’ mobilità alternattiva jsiru realtajiet konkreti. Ser naħdem biex l-użu ta’ dawn il-mezzi jiżdied biex permezz tal-ħidma tagħna, ngħinu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.”
Il-Kumitat ser ikun magħmul minn rappreżentanti minn diversi entitajiet fosthom il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, Transport Malta, Infrastructure Malta, istituzzjonijiet akkademiċi, NGOs u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali.