Thursday, October 23, 2025

Jinħatru żewġ Imħallfin u żewġ Maġistrati ġodda

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta tgħarraf li:

Wara li fil-ħamsa ta’ Awwissu 2025 saret sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard, għall-ħatra ta’ żewġ maġistrati ġodda, u żewġ imħallfin ġodda, li l-applikazzjonijiet għalihom kienu jagħlqu fis-26 ta’ Awwissu 2025, fil-10 ta’ Ottubru 2025 ingħatajt Rapport ai termini tal-Artikolu 96A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta datat ukoll 10 ta’ Ottubru 2025 maħruġ mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni ta’ Malta: dan wara laqgħa tal-istess Kumitat li saret is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2025 fejn ġew evalwati is-sbatax (17)-il espressjoni ta’ interess għall-ħatra ta’ żewġ imħallfin.

Dan ir-rapport poġġa għall-kunsiderazzjoni tiegħi l-ismijiet ta’ tliet kandidati li skont ir-rapport kienu l-aktar idonei u minn dawn it-tliet ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-President jagħżel wieħed.

It-tliet ismijiet imressqa f’ordni alfabetika kienu ta’:

  1. Galea Charmaine
  2. Grech Simone, u
  3. Montebello Rachel

Minn dawn it-tliet ismijiet, jiena għażilt dak ta’ Grech Simone.

Fis-16 ta’ Ottubru 2025, għarraft lill-Kumitat li l-għażla tiegħi skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) kienet ta’:

                 Grech Simone.

Sussegwentament, nhar l-20 ta’ Ottubru 2025, is-Segretarju tal-Kumitat ippreżentali t-tieni rapport dettaljat naxxenti ukoll dan ir-rapport minn seduta tal-4 ta’ Ottubru 2025 bl-ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ta’ tliet kandidati li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli.

L-ismijiet f’ordni alfabetika kienu dawn:

  1. Galea Charmaine
  2. Montebello Rachel, u
  3. Vella Gabriella

L-għażla minn dawn it-tliet ismijiet skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta hija ta’:

                                         Montebello Rachel

Billi skont l-Artikolu 96 (1) tal-Kostituzzjoni, l-Imħallfin tal-Qrati Superjuri jiġu maħtura mill-President li jaġixxi fuq rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat dwar Ħatriet tal-Ġudikatura stabbilit bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni, il-President taħtar, f’ordni alfabetika, lis-segwenti persuni sabiex iservu ta’ Mħallfin tal-Qrati Superjuri:

                                          Grech Simone

                                          Montebello Rachel

L-ismijiet tal-kandidati li fl-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura kienu idonei u meritevoli u li tressqu għall-għażla tal-President bil-proċedura stabbilita mill-Artikolu 96 A (6) (d) u li skont l-istess artikolu huwa mistenni li jiġu ppubblikati huma dawk li jidhru aktar ’il fuq f’din l-istqarrija.

B’dan ikun iddikjarat li l-ħatra ta’ żewġ Imħallfin skont is-sejħa pubblika maħruġa mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni fil-5 ta’ Awwissu 2025 ġiet sodisfatta u eżawrita.

Il-President tifraħ lill-Ġudikanti Mħallfin ġodda u tirringrazzja lill-membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għax-xogħol metikoluż li wettqu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport