Monday, February 23, 2026

Jinħeles mill-akkużi kollha dwar żewġ każijiet ta’ ħruq ta’ vetturi

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Maġistrati sabet lil Jesmond Cassar mhux ħati tal-akkużi kollha relatati ma’ żewġ każijiet separati ta’ ħruq ta’ vetturi li allegatament seħħew fl-2020 f’Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ.

Jesmond Cassar, ta’ 51 sena, ġie lliberat mill-akkużi kollha miġjuba kontrih. Il-każ kien jirrigwarda allegazzjonijiet li Cassar kien involut f’żewġ każijiet ta’ ħruq volontarju ta’ vetturi li seħħew f’żewġ lokalitajiet differenti fl-2020.

Skont l-akkużi, Cassar kien allegatament ta n-nar lil vettura Mazda f’Ħal Qormi, fil-lejl tal-5 ta’ Settembru 2020. It-tieni każ kien jirrigwarda ħruq ta’ vettura Dodge f;Ħaż-Żebbuġ, fil-lejl tal-1 ta’ Novembru 2020.

L-imputat kien akkużat ukoll li kkawża ħsara volontarja fuq iż-żewġ vetturi, ħsara li kienet taqbeż il-€250 iżda ma tilħaqx il-€2,500. Barra minn hekk, il-Prosekuzzjoni talbet li Cassar jiġi kkunsidrat bħala reċidiv minħabba sentenzi preċedenti mogħtija fil-konfront tiegħu li kienu saru definittivi.

Wara li semgħet ix-xhieda kollha, eżaminat id-dokumenti u l-provi prodotti, u semgħet is-sottomissjonijiet finali tal-partijiet, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-ħtija tal-imputat lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Għaldaqstant, wara li rat u applikat l-artikoli rilevanti tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti ddikjarat lil Jesmond Cassar mhux ħati tal-imputazzjonijiet kollha dedotti fil-konfront tiegħu u konsegwentement lliberatu minn kull ħtija u piena relatata ma’ dawn il-każijiet

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport