Saturday, November 23, 2024

Jinħeles mill-akkużi ta’ stupru fil-konfront ta’ ħabibtu li kien rapportat tliet snin wara li allegatament seħħ

Aqra wkoll

Raġel inħeles mill-akkużi ta’ stupru ta’ ħabiba tiegħu li akkumpanjatu l-appartament tiegħu wara li ħarġu jiċċelebraw għeluq sninha, u li rrapportat l-allegat inċident lill-pulizija kważi tliet snin wara.

Il-mara kienet ħarġet ma’ grupp ta’ ħbieb biex tiċċelebra għeluq sninha ġimgħa qabel il-Milied tal-2016. Tant kienet xorbot li uffiċjal tas-sigurtà fil-klabb fejn kienu kien wissa lill-grupp li l-mara kienet se tinħareġ mill-klabb.

L-istat ta’ sokor tal-mara wassalha biex ma tiftakarx b’mod ċar l-avvenimenti kif seħħew, fosthom rikba f’taxi, u li qamet l-għada filgħodu għarwiena fis-sodda tal-akkużat.

Ir-raġel kien talabha biex tilbes u tmur lura d-dar qabel ma ħuh jirritorna flimkien mat-tfajla tiegħu.

Il-mara mxiet lura d-dar minn San Ġwann lejn l-Imsida u dakinhar stess reġgħet iltaqgħet mal-akkużat f’pizzeria.

Wara l-episodju, it-tnejn kienu bagħtu messaġġi lil xulxin, bl-akkużat jiddeskrivi l-lejla bħala “l-isbaħ lejla ta’ ħajtu”, bil-mara tibgħatlu lura li kienet ħadet gost.

Il-mara qalet lill-Qorti li madankollu ma setgħetx taċċetta l-fatt li r-raġel li kienet ilha taf sa minn żgħożitha kien ħa vantaġġ minnha meta ma kinitx fi stat li tagħti l-kunsens tagħha għar-rapport sesswali.

Il-mara qalet li waqt li kienet qed taħdem fuq proġett tal-iskola dwar l-abort, hija kienet iltaqgħet ma’ avukat mara u fetħet qalbha magħha dwar l-istorja tagħha mar-raġel.

Fis-17 ta’ April tal-2019 il-mara akkumpanjata mill-avukat marret l-għassa tal-pulizija tal-Imsida fejn għamlet rapport verbali li kienet sfat stuprata mill-akkużat.

Wara li kien inħareġ mandat ta’ arrest li kien skada, u mandat ieħor maħruġ f’Ġunju, eventwalment ir-raġel intalab imur l-għassa fejn iffaċċja l-allegazzjonijiet ta’ stupru.

Sussegwentement huwa tressaq il-Qorti, fejn saħaq l-innoċenza tiegħu u ngħata l-bail.

Fix-xhieda tagħha l-allegata vittma ammettiet li kuntrarjament għall-akkużat, dak il-lejl fil-kamra tas-sodda tiegħu ma kinitx l-ewwel esperjenza sesswali tagħha.

Fil-kontroeżami il-mara ċaħdet li kienet ivvintat li kienet ġiet stuprata minħabba li kienet tgħir għat-tfajla tal-akkużat li kienet ġiet introdotta mal-familja tiegħu, filwaqt li hija qatt ma ġiet introdotta lilhom.

L-akkużat min-naħa tiegħu xehed kif flimkien ma’ persuna oħra li tgħix fl-istess appartament kien akkumpanja lill-mara fl-appartament tiegħu wara li qattgħu lejla jiċċelebraw għeluq sninha.

Huwa qal li allegatament il-mara neżgħet il-ħwejjeġ u baqgħet bil-ħwejjeġ ta’ taħt, bisitu u insistiet li jkollha rapport sesswali miegħu anke jekk huwa kien qal li huwa qatt ma kellu rapport sesswali preċedentement.

Meta kien qed jagħti s-sentenza, il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li huwa “irresponsabbli ferm” għall-prosekuzzjoni li takkuża lil persuna b’reat tant serju, li allegatament seħħ tliet snin qabel, mingħajr ma ppreżentat l-evidenza kollha possibbli.

Il-Maġistrat Mifsud qal li l-investigazzjonijiet kienu nbdew minn sempliċiment rapport verbali tliet snin wara li seħħ l-allegat inċident.

Saħaq li kaġun ta’ dan id-dewmien fiż-żmien, ma kienet żvolġiet l-ebda inkjesta maġisterjali.

Osserva wkoll li ċ-chats bejn ir-raġel u l-allegata vittma ma kinux ġew analizzati mis-cybercrime unit.

Abbażi taż-żewġ xhieda, il-Qorti ma kinitx konvinta li r-rapport sesswali żvolġa kontra r-rieda tal-mara, u għaldaqstant illiberatu mill-akkużi miġjubin kontrih.

Il-Qorti ordnat divjett fuq l-ismijiet.

L-Avukati giannella de Marco u Stephen Tonna Lowell dehru għall-akkużat.

Sport