Friday, November 22, 2024

Jinħeles mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli b’theddid ta’ bombi fuq il-vapuri tal-Gozo Channel

Aqra wkoll

Marvin Tabone ta’ 43 sena residenti l-Imqabba li jaħdem mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ingħata l-ħelsien mill-arrest, wara li tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li għamel telefonata biex għamel rapport falz li kien hemm bomba fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-mill-Ispetturi Italo Mizzi, Keith Scerri, Zackary Zammit u Muohammed Shurrab qalet li nhar is-Sibt 26 ta’ Ottubru, il-Pulizija ġew infurmati li uffiċjali tal-Gozo Channel kienu rċivew telefonata li kien hemm bomba fuq wieħed mill-vapuri.

Il-Pulizija mill-ewwel bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar min seta’ kien wara dan ir-rapport falz, liema telefonata saret għall-ħabta tal-4.00pm. Kien għall-ħabta tas-6:00 p.m, meta l-Pulizija waslu biex jidentifikaw l-imputat u marru fir-residenza tiegħu.

Hu ġie arrestat għall-ħabta tas-1.00am fir-residenza tiegħu fl-Imqabba. Il-Prosekuzzjoni qalet li saret tfittxija fir-residenza tal-akkużat kif ukoll fir-residenza t’ommu. Saret tfittxija wkoll fil-karozza personali tiegħu, li ma nstabitx fl-istess raħal fejn joqgħod.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi filwaqt li d-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba l-gravita tal-każ. Hija qalet li qiegħda toġġezzjona wkoll għal din it-taba minħabba li għad fadal xi xhieda li jridu jixhdu. Ingħad ukoll li l-mowbajl allegatament intuża biex saret it-telefonata, għadu ma nstabx u għalhekk dan kollu huwa tfixkil ta’ evidenza.

Min-naħa tagħha d-difiża li kienet immexxija mill-Avukat Franco Debono qal li ma hemm l-ebda prova waħda li tista’ torbot lill-akkużat mat-telefonata li saret. Qal li l-klijent tiegħu qatt ma kiser il-liġi u hu raġel tal-familja.

Il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bl-kundizzjoni li r-raġel jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa l-għassa taż-Żurrieq, jiddepożita €3,000 u jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €3,000.

Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport