Friday, December 13, 2024

Jinħeles tifel ta’ tmien snin maħtuf fis-Sirja

Aqra wkoll

Tifel ta’ tmien snin li l-ħtif tiegħu qajjem rabja kbira fis-Sirja meta tpoġġa filmat tiegħu jiġi msawwat u ttorturat minn dawk li allegatament ħatfuh, ġie meħlus. 

Fawaz al-Qataifan inħeles is-Sibt li għadda wara li l-familja tiegħu ħallset lill-‘gang’ li ħatfuh fil-provinċja ta’ Deraa f’Novembru. It-tifel deher li kien f’saħħtu waqt li rrakkonta dak li għadda minnu f’intervista televiżiva.

Il-pulizija qalet li l-ġimgħa li għaddiet arrestat erba’ suspettati billi ntraċċaw numru tat-telefon użat biex jintbagħat theddid. Dawk li allegatament ħatfuh imbagħad qablu darbtejn mal-familja tat-tifel fuq il-post u l-ħin biex jagħtuhulhom lura iżda ġara li dawn ma tfaċċawx.

Is-Sibt li għadda, huma reġgħu qalu lill-missier it-tifel biex ipoġġi madwar 500 miljun lira Sirjana (€175,347) f’post qrib il-belt ta’ Nawa. Wara li rċevew il-flus, huma ħalew lil Fawaz quddiem spiżerija. 

Ġie rrappurtat ukoll li l-pulizija ma ntervjenewx bil-għan li jippreservaw il-ħajja tat-tifel minħabba li dawk li ħatfuh allegatament bdew jheddu li kienu se joqtluh.

Missier it-tifel, Mohamed, esprima l-ferħ tiegħu wara l-ħelsien tat-tifel u għannqu miegħu filwaqt li zijuh, Musab, kien ikkwotat jirringrazzja lill-President Bashar al-Assad “għall-interess tiegħu f’din il-kwistjoni.”

Ekonomija

Sport