Sunday, May 18, 2025

Jinqabad fil-karozza fil-ħin li suppost kellu jkun ġewwa

… ħareġ mid-dar wara allegat argument mat-tfajla

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 19-il sena li nqabad barra d-dar tiegħu f’karozza li allegatament saq u fil-ħin li suppost kellu jkun ġewwa, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti semgħet kif huwa kien ħareġ mir-residenza wara allegat argument mas-sieħba tiegħu.

Il-ġuvni tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati fejn ġie mixli li s-Sibt li għadda, għall-ħabta tal-4.30 a.m., fil-Belt Valletta, saq Mercedes mingħajr liċenzja u bla ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni u li saq din il-vettura b’mod perikoluż u bi traskuraġni.

Huwa kien mixli wkoll li kkaġuna ħsara fuq vettura oħra, li kiser il-libertà proviżorja, li kiser il-provvedimenti ta’ sentenza sospiża mogħtija fil-konfront tiegħu f’Marzu li għadda u li rrenda ruħu riċediv.

Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu fejn argumentat li dan ma kienx xi każ ta’ ksur flagranti fis-sens li qatt ma mar jiffirma l-għassa jew instab f’xi post tad-divertiment.

Id-Difiża qalet li l-imputat inqabad barra r-residenza tiegħu f’karozza li allegatament saq wara li kellu argument mat-tfajla tiegħu u missieru li ried jistrieħ qallu biex joħroġ ’il barra u dan hekk għamel.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni kkonfermat li l-imputat kien fil-karozza u ġie nnutat mill-uffiċjali tal-pulizija b’wieħed minnhom jagħrfu u jgħidlu li suppost dak il-ħin kellu jkun id-dar. Qalet li l-imputat qalilhom li kien se jirranġa l-karozza u waqt li kien qed jirriversja baqa’ dieħel fil-karozza ta’ warajh. Il-Pulizija kienu staqsewh għal-liċenzja u dan allegatament qalilhom li ma kellux liċenzja tas-sewqan.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti tat lill-imputat il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-Għassa tal-Belt Valletta darba fil-ġimgħa, li ma joħroġx fil-ħin ta’ bejn nofsillejl u s-6.00 a.m. u garanzija personali ta’ €5,000.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa filwaqt li għall-imputat qed jidhru l-Avukati Mario Mifsud u Veronica-Anne Spiteri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport