Il-miri għat-turiżmu f’pajjiżna għal din is-sena mhux biss intlaħqu, imma saħansitra nqabżet iċ-ċifra bi 22%.
Hekk kif il-Ministru għat-Turiżmu Clyton Bartolo kien qed iżur waħda mil-lukandi f’San Ġiljan lejliet il-Milied, qal li kif il-ħidma li saret waqt li t-turiżmu kien wieqaf mad-dinja kollha, ħalliet effett pożittiv ferm.
Il-Ministru Bartolo qal li “x-xejriet li qed naraw għal dan il-Milied ikomplu jibnu fuq is-suċċess li rnexxielna niksbu matul din is-sena li għaddiet. Tlaqna s-sena b’target ta’ miljun u tmien mitt elf turist, meta fil-verità sal-aħħar Diċembru ħa jkunu ġew f’pajjiżna żewġ miljuni u mitejn elf turist.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal li qed iħares ’il quddiem biex dan l-andament jibqa’ kontienwu u saħansitra jiżdied. Fil-fatt, qal ukoll li l-ħidma issa hija ffokata fuq diversifikazzjoni lil hinn mill-kontinent Ewropew.
Micallef sostna, li “l-pass li jmiss hu li nkomplu nifirxu l-ħidma tagħna, inkomplu naħdmu biex niftħu swieq ġodda, speċjalment dawk imbiegħda, inkabbru t-turiżmu mill-Amerika, il-Lvant Nofsani, mill-Awstralja u mill-Asja, ħalli jkollna diversifikazzjoni tat-turiżmu li jiġi lejn pajjiżna sabiex ma nkunux dipendenti fuq grupp ta’ pajjiżi jew reġjun partikolari li jista’ jintlaqat minn ħafna affarijiet bħall-gwerra, problemi ekonomiċi u oħrajn.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu rringrazzja lil kull ħaddiem li ta sehemu għax dawn ir-riżultati nkisbu b’ħidma kollettiva.