Saturday, December 6, 2025

Jinqatel il-mexxej prominenti tal-milizzja kontra l-Ħamas f’Gaża

Aqra wkoll

Mexxej prominenti tal-milizzja Palestinjana f’Gaża li jopponi lill-Ħamas, Yasser Abu Shabab, inqatel b’tir waqt li ngħad li kien qed jipprova jikkalma tilwima bejn membri tal-familja Abu Seneima. Abu Shabab kien imexxi ’l hekk imsejjaħ grupp Forzi Popolari, li għandu għexieren ta’ ġellieda u jopera fit-territorju kkontrollat minn Iżrael ħdejn il-belt tan-nofsinhar ta’ Rafah.

Il-Forzi Popolari fi stqarrija ċaħdu rapporti “qarrieqa” li qalu li Abu Shabab inqatel mill-Ħamas, wara li kienu akkużawh li kien qed jikkollabora u jikkopera ma’ Iżrael.

Stqarrija preċedenti mit-tribù Bedwin ta’ Abu Shabab, it-Tarabin, qalet li huwa kien inqatel “f’idejn ir-reżistenza”, u akkużawh li ttradixxa lill-poplu Palestinjan. Sorsi oħra qalu li l-mewt tiegħu kienet ir-riżultat ta’ ġlieda interna għall-poter.

Mingħajr ma sostniet li kienet involuti fil-qtil tiegħu, il-Ħamas qalet li d-destin li waqa fuq Abu Shabab kien “id-destin inevitabbli ta’ dawk kollha li jittradixxu lill-nieshom u lil art twelidhom u huma kuntenti li jkunu għodda f’idejn l-Iżrael.

Ir-Radju tal-Armata ta’ Iżrael ikkwota sors tas-sigurtà li qal li Abu Shabab kien miet kaġun tal-ġrieħi  li ġarrab wara li ttieħed lejn l-isptar Soroka fil-belt Iżraeljana ta’ Beersheba. Iżda l-isptar ċaħad li miet waqt li kien għall-kura fl-isptar. 

F’dikjarazzjoni mill-Forzi Popolari wiegħdet li se tkompli fit-triq ta’ Yasser Abu Shabab sakemm l-aħħar terrorist f’Gaza jiġi eliminat u jinbena futur sabiħ u sigur għall-palestinjani kollha li jemmnu fil-paċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport