Il-mexxej tal-Isis Abu Ibrahim al-Hashimi al-Qurayshi inqatel waqt rejd mill-Forzi Speċjali Amerikani fis-Sirja.
Il-President Joe Biden ikkonferma li huwa nqatel f’operazzjoni militari lbieraħ filgħaxija.
Sors anonimu li tkellem mal-midja internazzjonali qal li huwa miet meta sploda bomba li qatlet lilu u membri tal-familja, għalkemm dan għadu jrid jiġi kkonfermat.
Ingħad li f’dan ir-rejd antiterroristiku nqatlu wkoll sitt itfal u erba’ nisa.
Abu Ibrahim al-Hashimi al-Qurayshi, li kien marbut ma’ wħud mill-agħar atroċitajiet imwettqa mill-grupp, ilu figura attiva fl-Isis għal diversi snin.
Al-Qurayshi sar mexxej tal-organizzazzjoni terroristika meta l-kap preċedenti Abu Bakr al-Baghdadi tneħħa f’Ottubru 2019.
Fi stqarrija, il-President Biden qal li l-forzi militari tal-Istati Uniti fil-majjistral tas-Sirja wettqu b’suċċess operazzjoni kontra t-terroriżmu biex jipproteġu lill-poplu Amerikan u l-Alleati tagħhom, u jagħmlu d-dinja post aktar sigur. Apparti mill-fatt li ddeskriva din il-missjoni bħala waħda ta’ suċċess, qal li l-Istati Uniti ma sofriet l-ebda telf ta’ ħajja.
Aqra iktar: Il-forzi tal-Istati Uniti jwettqu attakk ġewwa s-Sirja